It-telefonati minn pajjiż tal-UE għal ieħor għandhom jibdew jiswew kważi daqs telefonata domestika, qalet l-MPE Marlene Mizzi, in-negozjatur tal-S&D f’isem il-kumitat parlamentari tas-suq intern dwar ir-regoli l-ġodda tat-telekomunikazzjoni tal-UE.
Tard ilbieraħ filgħaxija in-negozjaturi tal-Parlament Ewropew laħqu ftehim mal-Kunsill tal-UE għal qafas legali għall-komunikazzjoni elettronika. Waħda mill-proposti se tnaqqas il-prezz tat-telefonati minn stat membru tal-UE għal ieħor.
Marlene Mizzi qalet li “f’jiem bħal dawn nirrealizza kemm il-ħidma tagħna bħala MEPs tħalli impatt reali u ttejjeb il-ħajja ta’ kuljum tal-Ewropej kollha. L-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming kienet rebħa kbira għaċ-ċittadini tagħna, iżda issa lħaqna stadju ġdid biex noħolqu suq tat-telekomunikazzjoni uniku għall-konsumaturi Ewropej kollha – fejn it-telefonati intra-UE se jkunu kważi l-istess daqs telefonati domestiċi.”
“Wara xhur sħaħ ta’ negozjati ebsin, sa fl-aħħar ilħaqna ftehim biex inraħħsu l-ħlasijiet tat-telefonati internazzjonali f’ħafna stati membri, fejn iċ-ċittadini mhux se jkollhom iħallsu aktar mil-limitu tal-prezzijiet tal-Unjoni. Minn Mejju tas-sena d-dieħla, iċ-ċittadini Ewropej se jkunu jistgħu jċemplu lil qrabathom, familthom u sħabhom li jinsabu barra f’xi Stat Membru mingħajr ma jinkwetaw dwar kontijiet żejda fl-aħħar tax-xahar,” ikkummentat l-MPE Mizzi.
“Ir-regoli l-ġodda se jagħtu flessibilità lis-suq u lill-operaturi, filwaqt li nassiguraw li jibbenefikaw kemm il-konsumaturi kif ukoll in-negozji fis-settur tal-komunikazzjoni. Il-ftehim aħħari mhux biss inaqqas id-differenza li hemm bejn telefonati domestiċi u internazzjonali, iżda jtejjeb sostanzjalment id-drittijiet tal-konsumaturi, id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, u jassigura li internet bażiku u affordabbli huw dritt universali li jrid ikun garantit liċ-ċittadini kollha tal-UE,” qalet Marlene Mizzi.
“Bħala parti mil-leġiżlazzjoni tat-telekomunikazzjoni, għall-ewwel darba, qbilna wkoll li noħolqu sistema ta- twissija pubblika obbligatorja f’kull pajjiż tal-UE. B’din is-sistema, l-istati membri jkunu jistgħu jipprovdu informazzjoni diretta u twissijiet ta’ dak li jkun qed jiġri u kif jagħmlu biex ikunu f’post sigur, lill-persuni li jsibu ruħhom qrib zona perikoluża, bħal attakk terroristiku jew katastrofi naturali. Ninsab sodisfatta li kont parti min-negozjati dwar dossiers leġiżlattivi importanti li se jħallu impatt reali u pożittiv fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna, b’mod partikolari fis-settur tal-komunikazzjoni u t-telekomunikazzjoni, li huma parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini,” qalet l-MPE Mizzi.