Ġie ffirmat ftehim ta’ koperazzjoni bejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, l-BCA, u l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol, l-OHSA, biex joffru aktar sigurtà f’diversi oqsma, waqt li jibdew jagħmlu spezzjonijiet konġunti f’siti ta’ kostruzzjoni.
Iż-żewġ awtoritajiet stabbilixxew proċeduri ta’ kif se jkunu qegħdin isiru tali spezzjonijiet, waqt li jaqsmu l-informazzjoni u r-rapporti investigattivi, biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, flimkien mal-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, u l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar.
Ilkoll tennew li l-ftehim se jkompli jagħmel liż-żewġ entitajiet aktar effettivi f’ħidmiethom.
“Eventwalment l-awtoritajiet differenti, fosthom l-OHSA u l-BCA, jikkollaboraw flimkien biex is-settur hemm barra jkun kemm jista’ jkun aktar effiċjenti. Aħna, min-naħa tagħna, naraw li x-xogħol li qed isir ikun kopert permezz tar-rakkomandazzjonijiet kollha neċessarji u eventwalment persuni hemm barra qed iserrħu rashom kemm min qed jaħdem fuq is-sit konċernat u dak li jgħix ħdejn is-sit li qed isir il-kostruzzjoni fih.”
L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-BCA, Roderick Bonnici
Semmew ukoll kif issa l-prattiċi ta’ inforzar ikunu aktar ħolistiċi.
“Fl-ispezzjonijiet, b’dan il-ftehim issa se jkollna viżibilità tas-siti kollha ġewwa Malta, fejn tidħol kostruzzjoni u la ħa jkollna din il-viżibilità fid-data sharing tagħna, aħna nkunu nistgħu nestendu l-ispezzjonijiet tagħna f’aktar postijiet.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar
Il-Ministru Attard, qal li, wara li f’Awwissu li għadda l-awtoritajiet bdew jaħdmu fuq proġett-pilota, saru madwar 540 spezzjoni konġunta fejn ittieħdu 134 azzjoni mill-uffiċjali tal-BCA u 147 oħra mill-uffiċjali tal-OHSA, b’każi minnhom kellhom jittieħdu l-Qorti.
“Għaddejjin ukoll numru ta’ opinjonijiet jew studji biex nassiguraw li dawn is-servizzi jkomplu jissaħħu, għax hemm l-aspett regolatorju marbut mas-settur tal-kostruzzjoni, però għarafna wkoll in-neċessità li noħolqu servizzi li jkunu ta’ sostenn għaċ-ċittadini tagħna.”
Il-Ministru Jonathan Attard
