Ġew iffirmati żewġ ftehimiet bejn il-Kummissjoni tal-Films u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u Heritage Malta rispettivament.
Dawn il-ftehimiet se jkunu qed ikomplu jsaħħu s-settur turistiku ta’ pajjiżna fejn it-tliet entitajiet se jkunu qed jikkollaboraw flimkien fuq kampanji tal-marketing biex Malta titpoġġa fuq il-mappa bħala destinazzjoni tal-films u niċċa turistika.
Il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, matul konferenza msejħa Screen Tourism, spjega kif permezz ta’ dawn il-ftehimiet qed jimmiraw li sal-2030 il-persentaġġ ta’ screen tourists, jiġifieri turisti li jżuru lil pajjiżna b’interess dwar il-films, jirdoppja.
Grech spjega dwar ir-rwol tal-ftehim li ġie ffirmat mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Qal, “Irridu nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna mal-MTA biex b’hekk inkomplu nattiraw it-turisti għal-locations tal-films. Din l-industrija kompliet tikber u rridu naraw kif inkomplu nsaħħu din l-industrija bħala mudell ekonomiku għal pajjiżna.”
Hu kompla jispjega kif qed issir aktar ħidma biex Malta tkompli tattira aktar turisti ta’ kwalità li għandhom ukoll interess fl-istorja, niċċa oħra li Malta hi attrezzata għaliha u b’hekk permezz tal-ftehim ma’ Heritage Malta dan se jkun qed ikompli joffri aktar opportunitajiet.
Qal, “Ma’ Heritage Malta rridu nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna wkoll biex postijiet tal-Heritage jkomplu jintużaw mal-industrija tal-films.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, spjega kif dejta, miġbura fi stħarriġ riċenti, turi li tlieta fil-mija tat-turisti li ġew pajjiżna kienu attirati għall-isem li Malta kisbet barra minn xtutna fid-dinja tal-films.
Spjega kif, għalhekk, ftehimiet ta’ dan it-tip ikomplu jsaħħu dan is-settur tant importanti għal pajjiżna biex iddur ir-rota ekonomika u mhux biss tattira aktar turisti ta’ kwalità, iżda saħansitra aktar opportunitajiet għall-gżejjer Maltin.
Qal, “Screen tourism hi niċċa turistika oħra li qed niżviluppaw bħalissa fejn qed naraw li hemm trend li jkun hemm turisti li jagħżlu lil pajjiżna skont films li kienu raw huma skont il-pajjiż fejn inġibed. Għalhekk qed naraw kif insaħħu din in-niċċa fejn minbarra hekk din se tgħinna biex jagħżlu lil pajjiżna għax ikunu għażluh skont il-films li jkunu nġibdu fih.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, tenna l-importanza ta’ ftehimiet bħal dawn fejn in-niċċa ta’ screen tourism mhix biss niċċa oħra ta’ turiżmu, li jiġi attirat lejn pajjiżna, iżda saħansitra motivazzjoni oħra għat-turisti biex jagħżlu lil Malta bħala d-destinazzjoni naturali għall-vaganza li jmiss.