Ġew iffirmati żewġ ftehimiet biex is-siti online tal-Gvern kif ukoll l-applikazzjonijiet diġitali jkunu aċċessibbli għall-persuni b’abbiltajiet differenti.
Dawn il-ftemhiet isegwu direttiva tal-Unjoni Ewropea li sal-aħħar ta’ din is-sena kull mezz diġitali għandu jkun aċċessibbli minn kulħadd.
L-ewwel ftehim ġie ffirmat bejn l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, l-MCA u l-Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tal- Informazzjoni Teknoloġika, l-FITA u t-tieni wieħed ġie ffirmat bejn l-MCA u l-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità.
Il-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità se tkun qed tgħaddi d-diffikultajiet online li jaffaċċjaw il-persuni b’abbiltajiet differenti lill-MCA għal aċċess aktar faċli.
Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbiltà, is-Sur Oliver Scicluna spjega: “Se nkunu qed naraw u niddentifkaw il-websites li l-aktar li jintużaw, jiġifieri se naraw il-priorities tal-website, fejn imbgħad ngħadduhom lill-MCA u niddiskutuhom magħhom biex huma jibew il-proċess anki mal-FITA.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCA, Jesmond Bugeja qal li flimkien mal-Kummissjoni se jkunu qed jaċċertaw li l-aċċessibilità online tkun għal kull persuna.
Is-Sur Bugeja stqarr: “Aħna marbutin ukoll b’direttiva illi sal-aħħar tas-sena ħa nkunu rajna madwar 100 sit eletroniku tal-Gvern u naċċertaw ruħna li dawn ikunu konformi ma’ din id-direttiva.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari ghall-Ekonomija Diġitali, Clayton Bartolo qal illi t-teknoloġija ma għandhiex ikollha fruntieri u li għalhekk il-Gvern huwa impenjat sabiex ikompli jżid l-aċċesibiltà diġitali.
Huwa sostna: “Dan il-ftehim li ffirmajna llum qegħdin inġibu fis-seħħ aħna, pass ieħor importanti ‘l quddiem, fejn grazzi għal dawn il-ftehimiet ħa jkollna l-Awtorità Maltija għall-Kommunikazzjoni, il-FITA flimkien anke mal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabilità illi bejniethom se jkunu qed jassiguraw illi il-website u l-apps kollha tal-Gvern se jibdew jiġu aċċessibbli għall-persuni b’abbiltajiet differenti.”