Illum il-Gvern Malti daħal f’6 Atti ta’ Kurazija mal-Fondazzjoni Wirt Artna għat-tmexxija ta’ ħdax-il sit storiku. L-għan ewlieni hu li dawn is-siti storiċi jiġu mmaniġjati, imħarsa u konservati bl-aħjar mod possibli minflok jitħallew mingħajr użu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kiseb ukoll il-parir favorevoli tal-Kumitat ta’ Garanzija sabiex fil-kuntratti jiġu inklużi kundizzjonijiet dwar miżuri protettivi li jħarsu l-proprjetà storika, pjan ta’ konservazzjoni u mmaniġjar, pjan ta’ finanzjament kif ukoll indikazzjoni tar-riżorsi li jkun hemm bżonn biex jitwettaq dan il-pjan.
Il-kuntratti kienu ffirmat mis-Sovraintendent tal-Patrimonju Kulturali Dr Anthony Pace u mis-Sur Mario Farrugia għan-nom tal-Fondazzjoni Wirt Artna u ppubblikati min-Nutar tal-Gvern Dr Keith Francis German.
Sabiex titħares it-trasparenza, l-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali tobbliga lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali sabiex, fi żmien erba’ ġimgħat minn mindu jkun iffirmat Att ta’ Kurazija, ipoġġi kopja tal-kuntratti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Barra minn hekk, il-kontabbiltà hija fattur ieħor importanti f’dan l-Att ta’ Kurazija. Għalhekk, Fondazzjoni Wirt Artna hija obbligata tagħti rendikont tax-xogħol li jsir fir-rigward ta’ dan l-Att.
Bid-differenza ta’ public private partnership, att ta’ kurazija jagħti spazju lil għaqdiet mhux governattivi u Kunsilli Lokali sabiex jieħdu sehem b’mod dirett fil-ħarsien ta’ monumenti storiċi.
Fondazzjoni Wirt Artna daħlet b’hekk f’Atti ta’ Kurazija għal dawn is-siti storiċi, li lkoll għandhom valur storiku għal pajjiżna.
Permezz tal-Atti ta’ Kurazija, Fondazzjoni Wirt Artna se tkun qed tapplika għal fondi Ewropej sabiex isir Mużew tal-Piraterija fit-Torri San Tumas u attrazzjoni dwar Malta u l-ewwel Gwerra Dinjija fil-Bieb ta’ Notre Dame, il-Birgu.
Is-sitt siti storiċi li l-Fondazzjoni Wirt Artna se tkun qed tħares huma:
- Forti Rinella, Kalkara
- Bieb Notre Dame , il-Birgu
- Madliena Tower
- Pillbox, Madliena
- Fougasse, Madliena
- Pont Militari, Madliena
- R15 Reserve Post, Naxxar
- Ab1 Beach Post, Mellieha
- RaO beach post, Kalkara
- French Post, Couvre Port, Vittoriosa
- Torri ta’ San Tumas, Wied il-Ghajn
Ritratt: Clodagh Farrugia ‘O Neill – DOI