Waqt li kien qed jindirizza Sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strusburgu, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg flimkien mal-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani ffirmaw l-ewwel atti leġiżlattivi taħt il-Presidenta Maltija.
L-atti huma dwar diversi temi. Fosthom hemm ir-regoli tal-Parlament u l-Kunsill Ewropew dwar servizzi li joffru l-portijiet, u it-trasparenza fejn jidħlu l-istess portiijet. Tema oħra hija l-enerġija atomika u r-regoli komuni dwar l-importazzjoni ta’ tessuti mit-Turkija.
Is-Segretarju Parlamentari fetaħ dibattitu dwar l-infurzar ta’ liġijiet u strumenti oħra Ewropej. Saħaq dwar l-importanza ta’ skambju effettiv ta’ informazzjoni bejn pajjiżi Ewropej, fid-dawl tal-attakki terroristiċi li ġraw riċentement. Infatti indirizza wkoll konferenza tal-aħbarijiet konġunta dwar direttiva mmirata li tiġġieled it-terroriżmu. Hawn qal li hemm bżonn ukoll ta’ tisħiħ fil-qafas legali, sabiex ikun inidirizzat it-theddid kontinwu li donnu dejjem qed jevolvi. Fost oħrajn saħaq dwar il-bżonn ta’ ġlieda kontra r-radikalizazzjoni.