Ġew iffirmati żewġ ftehimiet kollettivi ġodda li se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema kollha tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanz, l-NCPE.
Permezz ta’ dak maqbul se jkun hemm titjib fil-kundizzjonijiet u fil-pagi tal-ħaddiema, kemm dawk f’karigi maniġerjali u anke ħaddiema f’irwoli oħrajn.
Dawn ġew ffirmati mis-Segretarju għat-taqsima tal-Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU u l-Kummissarju tal-NCPE, u s-Segretarju Permanenti Emmanuel Psaila.
Il-ftehimiet se jkunu b’effett mill-1 ta’ Jannar li għadda, filwaqt li jibqgħu validi sal-2024. Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm il-Ministru Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg.
Il-Ministru Byron Camilleri esprima sodisfazzjon għal dak maqbul u saħaq li din il-kummissjoni għandha rwol kruċjali sabiex mhux biss tkun promossa l-ugwaljanza fil-livelli kollha tas-soċjetà li ngħixu fiha, iżda fuq kollox biex kull persuna tkun taf id-drittijiet u l-obbligi tagħha.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li se titkompla l-ħidma sabiex il-ħaddiema jingħataw dak kollu li jeħtieġu biex ikunu aktar effiċjenti fix-xogħol li jagħmlu, b’pakkett finanzjarju li jirrifletti din il-ħidma.