Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali daħal f’konvenju mas-sidien ta’ ħames proprjetajiet oħrajn użati minn soċjetajiet mużikali differenti li wkoll kienu qed jiffaċċjaw riskju imminenti ta’ żgombrament minħabba s-sitwazzjoni legali tal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Dawn il-ħames binjiet jingħaqdu ma’ lista ta’ sitt binjiet oħrajn li kienu mħabbrin aktar kmieni din is-sena, biex issa t-total tela’ għal 11 l-ammont totali ta’ soċjetajiet mużikali salvati b’dan l-intervent dirett u deċiżiv mill-Gvern.
Il-konvenji li saru jinvolvu s-Soċjetà Santa Marija tal-Mosta, is-Soċjetà San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, il-Każin 12th May f’Ħaż Żebbuġ, is-Soċjetà Sant’Andrija f’Ħal Lija u l-Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara.
L-investiment li l-Gvern se joħroġ għall-akkwist ta’ dawn il-ħames proprjetajiet fil-mument li dawn il-konvenji jimmaturaw f’kuntratti hu ta’ kważi għaxar miljuni u erba’ mitt elf ewro (€10,397,000).
Dan l-ammont jingħaqad mal-ammont ta’ kważi sitt miljun ewro (€5.8 miljun), bl-akkwist tas-sitt binjiet li tħabbru f’Marzu li għadda, fejn il-Gvern diġà daħal fi ftehim mas-sidien relattivi fil-każ tal-Għaqda Mużikali Maria Reġina tal-Marsa, l-Għaqda Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici f’Ħal Qormi, il-Banda Stella Maris f’Tas-Sliema u tal-Banda Antoine de Paule f’Raħal Ġdid.
Fil-każ tal-aħħar tnejn il-proċess hu diġà mitmum.
Il-proprjetajiet issa qed jiġu mmaniġġjati minn sezzjoni speċjali fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti (ACM).
L-għan ta’ dawn il-konvenji hu li l-Gvern jixtri dawn il-proprjetajiet biex b’hekk jiġu salvati dawn is-soċjetajiet mużikali u jistgħu jibqgħu jintużaw b’titolu ġdid ta’ kera ġusta favur il-Gvern.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li l-ħidma li qed issir biex jiġu salvati l-każini tal-baned li jinsabu f’riskju ta’ żgombrament tieħu importanza akbar fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija issa hi meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
“Aħna intervjenejna fil-bidu ta’ din is-sena u ħabbarna li dħalna f’kuntratt mas-sidien fuq sitt proprjetajiet, sitt każini tal-baned u issa llum ħabbarna ħames proprjetajiet oħrajn biex issa telgħu għal ħdax l-ammont ta’ soċjetajiet mużikali li l-Gvern intervjena biex xtara l-proprjetà mis-sidien u qed isalva l-assoċjazzjonijiet mużikali.”
Owen Bonnici – Ministru
Hu saħaq li b’dawn l-akkwisti l-Gvern se jkun aġixxa korrettement kemm mas-sidien u kif ukoll mas-soċjetajiet infushom.
Iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, qal li, bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, il-Kunsill qed ikun strumentali fit-twettiq ta’ proġett ambizzjuż u ta’ fejda għall-ħarsien ta’ kulturali prezzjuża.
“Bħalma qal tajjeb il-Ministru jrid ikun hemm return, irid ikun hemm xi ħaġa lura r-return, jista’ jkun mhux mill-parti finanzjarja biss, imma fil-parti edukattiva fejn ngħallmu lit-tfal, fil-parti soċjali fejn nieħdu ħsieb anzjani, fil-parti tal-inklussività u din hi importanti ħafna, u l-inklussività hi importanti ħafna fil-każini, mill-każini, għan-nies, biex inżommu l-karattru tal-villaġġ ta’ dik l-istorja mhux tal-istorja biss, imma anke tal-villaġġ”.
James Pearsall – Chairman Akkwisti Każini