Il-liġi tal-IVF, li ġiet approvata mill-Parlament fis-6 ta’ Lulju, ġiet iffirmata u ppubblikata.
Il-liġi ġiet iffirmata mill-Aġent President ta’ Malta, Frank Bezzina, li beda jaqdi d-doveri tiegħu hekk kif il-President George Vella jinsab l-Ingilterra biex iżur pazjenti li qed jirċievu l-kura għall-kanċer.
L-emendi għal liġi aktar b’saħħitha tal-IVF kienu waħda mill-wegħdiet ewlenin tal-Partit Laburista, waqt il-kampanja elettorali għall-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu li għadda. Il-Partit Laburista wiegħed li, fi żmien mitt jum ta’ Gvern Laburista ġdid, dawn l-emendi se jkunu għaddew mill-Parlament.
B’riżultat ta’ dawn l-emendi se jiżdiedu n-nies li jgawdu mill-proċess tal-IVF bla ħlas, bl-età togħla għal 45 sena, jiżdiedu ċ-ċikli tal-IVF mingħajr ħlas, u s-servizz jiġi offrut anki lil min diġa għandu l-ewwel wild.
Dawn l-emendi se jagħtu aktar aċċess lit-tobba u l-ispeċjalisti sabiex jagħmlu użu aħjar mill-aħħar teknoloġija medika biex jiġu evitati stejjer ta’ qsim il-qalb, meta jkun hemm ċertezza li t-trabi jmutu fi ftit ġimgħat jew xhur wara li jkunu twieldu.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, qal fi tweet li din il-ġimgħa stess il-Gvern se jippubblika l-Avviż Legali bil-protokoll aġġornat.