Ġiet iffirmata l-ewwel dikjarazzjoni nazzjonali għall-armonija bejn ir-reliġjonijiet.
Din id-dikjarazzjoni storika kienet iffirmata minn rappreżentanti ta’ reliġjonijiet differenti li ltaqgħu fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, inkluż l-Imam Mohammed El Sadi.
Id-dikjarazzjoni titkellem dwar il-valuri komuni li jgħaqqdu r-reliġjonijiet.
Fid-diskors tal-okkażjoni, il-President Marie Louise Coliero Preca qalet li din is-sena hija sena ta’ sinfikat kbir b’mod partikulari għall-Insara u l-Musulmani għaliex tmien mitt sena ilu seħħ dak meqjus bħala l-ewwel djalogu bejn l-Insara u l-Misilmin.
Hija fissret kif din hija okkażjoni speċjali li se tħalli effett pożittiv fis-soċjetà Maltija u anke fir-reġjun Mediterranju.
Il-President qalet li din id-dikjarazzjoni hija riżultat ta’ djalogu kostruttiv li seħħ f’Malta f’Ottubru tas-sena li għaddiet.
Hija iddeskriviet ukoll din id-dikjarazzjoni nazzjonali bħala tfakkira għad-dritt universali tal-bniedem għal-libertà tar-reliġjon u t-twemmin.
Saħqet ukoll li d-djalogu għandu jkun proċess kontinwu biex jikkumbatti l-vjolenza, l-intolleranza u l-kunflitt filwaqt li jippromwovi l-paċi u l-ftehim. Dawn tal-aħħar huma l-valuri li qed jiġu ċċelebrati permezz ta’ din id-dikjarazzjoni.
F’perjodu fl-istorja li d-dinja qiegħda kontinwament taffaċċja iżjed inċertezzi u tensjonijiet soċjali, stqarret li temmen li l-mexxejja reliġjużi għandhom responsabbiltà importanti.