Għat-tieni darba f’Malta żjara statali mill-President tal-Għana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo.
Iċ-ċerimonja ta’ merħba saret f’Misraħ San Ġorġ il-Belt Valletta fejn il-President tal-Ghana u l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca ngħataw is-salut mill-Forzi Armati ta’ Malta.
Wara d-daqq tal-innijiet nazzjonali, iż-żewġ Presidenti spezzjonaw il-gwardja tal-unur magħmul minn stakkament ta’ suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Wara ċ-ċerimonja tal-wasla saru taħditiet fil-Palazz tal-President bil-qofol jintlaħaq bl-iffirmar ta’ sitt ftehimiet bejn il-Ghana u Malta li għandhom l-għan li jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi b’mod partikolari fl-oqsma tan-negozju u l-kultura.
Il-ftehimiet jinkludi ftehim li jtemm it-tassazzjoni doppja fil-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, ftehim dwar is-Servizzi tal-Ajru u l-Mediċini, ftehim fuq it-Turiżmu u l-Kultura u ieħor b’rabta mal-Passaporti Dipplomatiċi.
F’konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca fil-Palazz, il-President tal-Ghana spjega kif il-ftehim li jtemm it-tassazzjoni doppja hu ta’ importanza kbira għaż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari għall-Ghana.
Qal li ftehim bħal dan iħajjar aktar negozjanti mill-Ghana biex jinvestu f’Malta u jservi bħala pont fis-suq Ewropew.
Qal li il-President ta’ Malta għandha post speċjali f’qalbu għax kienet fost l-ewwel Presidenti li żaru pajjiżu.
Tenna kif ftehimiet ta’ dan it-tip ikomplu jwittu t-triq għal ġejjieni isbaħ għaż-żewġ pajjiżi, bil-għan li tissaħħaħ ukoll l-ekonomija fil-Ghana u biex aktar persuni jħarsu lejn pajjiżu bħala wieħed li jistgħu jibnu l-futur tagħhom fih.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca spjegat kif ftehimiet ta’ dawn it-tip ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi.
Qalet kif din iż-żjara storika, se tkompli toħloq aktar opportunitajiet għaż-żewġ pajjiżi li għandhom valuri u aspirazzjonijiet simili.
Matul il-jum, il-President tal-Ghana kellu laqgħa wkoll mal-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Palazz ta’ San Anton, bil-Prim Ministru jgħid li din hi opportunità ta’ tisħiħ għaż-żewġ pajjiżi u fejn minkejja li hemm bosta differenzi fosthom kulturali u anke fil-kobor ta’ pajjiż, l-għan ewlieni hu li naħdmu flimkien.