Il-Ġimgħa, Malta u r-Renju Unit iffirmaw qafas ta’ kooperazzjoni bilaterali f’diversi oqsma biex b’hekk iċ-ċittadini taż-żewġ stati se jkunu qegħdin igawdu aktar mir-relazzjoni eċċellenti bejn iż-żewġ pajjiżi.
Il-ftehim kien iffirmat mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg f’isem pajjiżna u s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Barranin, il-Commonwealth tar-Renju Unit James Cleverly.
Dan il-qafas mistenni li jolqot bosta aspetti, fosthom il-politika internazzjonali taż-żewġ Stati, is-sigurtà u d-difiża, l-amministazzjoni pubblika, is-saltna tad-dritt, il-kummerċ, l-investiment, t-tibdil fil-klima, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-sostenibbiltà, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-kultura.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li kien iffirmat dan il-qafas ta’ kooperazzjoni, is-Segretarju tal-Istat James Cleverly, innota kif ir-Renju Unit jara f’Malta alleat li jħaddan ħafna valuri u prinċipji simili.
Is-Segretarju tal-Istat tar-Renju Unit qal li, “The reason that our relationship with Malta on these issues is so very important is because time and time again we find ourselves instinctively viewing challenges in the same way and seeking solutions in the same way. That is something which means that we know that Malta is an important and reliable partner and friend.”
Huwa temm jgħid kif l-iffirmar ta’ dan il-qafas m’huwiex it-tmiem imma l-bidu ta’ din il-ħidma biex il-ftehim ikun attwat fil-ġejjieni.
Waqt id-diskors tiegħu, Cleverly tkellem ukoll il-ħidma ta’ pajjiżna fuq livell globali fosthom bil-Presidenza fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti juri l-importanza ta’ pajjiżna fil-politika internazzjonali.
Cleverly aċċenna għall-kuntest li fih pajjiżna qed jagħmel dan f’għeluq l-ewwel anniversarju mill-bidu tal-Gwerra fl-Ukrajna.
Il-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg, irreċiproka l-istess sentiment ta’ Cleverly fejn sostna li Malta tara fir-Renju Unit ġuriżdizzjoni importanti għal politika internazzjonali li jħaddan pajjiżna.
Il-Ministru Borg stqarr kif pajjiżna qiegħed iħares ’il quddiem għal aktar ħidma u kooperazzjoni bejn iż-żewġ stati sabiex iż-żewġ popli rispettivi jkomplu jgawdu mill-frott tar-relazzjoni eċċelenti li għandhom Malta u r-Renju Unit.
Huwa żied jgħid li, “We look forward, I think the vast areas of cooperation that we’ve just agreed upon, it is now up to us as government ministers to make sure that our colleagues and their respective teams, start reaping the fruits.”
Waqt l-laqgħa li kellhom iż-żewġ politiċi tkellmu ukoll fuq temi oħrajn fosthom il-Libja u l-migrazzjoni kif ukoll ir-relazzjoni tar-Renju Unit mal-Unjoni Ewropea.