Bis-Sindki u rappreżentanti mill-kunsilli lokali ta’ pajjiżna kollha preżenti, ġie issiġillat qafas ta’ ftehim għal iżjed kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-kunsilli lokali kollha ta’ Malta.
Dan il-ftehim, b’allokazzjoni ta’ €10 miljun, għandu l-għan li jiffaċilita l-proċess biex il-kunsilli jimplimentaw xogħlijiet infrastrutturali fil-lokalitajiet tagħhom, inkluż xogħlijiet ta’ manutenzjoni u dawk ta’ emerġenza, li minnhom igawdu r-residenti kif ukoll il-pubbliku inġenerali.
Għal dan il-għan, fl-ewwel fażi se jitwaqqaf portal speċifiku li se jiffaċilita l-mod kif isiru t-talbiet għal xogħlijiet fil-komunitajiet. Waqt li d-deċiżjoni finali tibqa’ tal-kunsilli, organizzazzjoni mhux governattivi se jkunu jistgħu jipproponu xogħlijiet li jistgħu jsiru. Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi se jibqa’ responsabbli għax-xogħlijiet u t-twettiq tagħhom li jkunu jridu jsiru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li l-ħidma ta’ dan il-Gvern qed tissarraf fi tkabbir ekonomiku li ġġib realtajiet oħrajn li qed jiġu indirizzati, bil-Gvern jkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali biex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u jitwettqu bidliet imressqa mill-Kunsilli Lokali u r-residenti rispettivi tagħhom.
Il-ftehim il-Ġimgħa ġie ssiġillat fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, li sostna kif il-prinċipju ewlieni ta’ dan il-qafas hu li jkun hemm indirizzar effettiv tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini, b’mod speċjali favur mobbiltà faċli li tgħin l-aktar lill-anzjani fil-komunità u lill-persuni b’diżabilità.
“Inizjattiva bħal dik tal-lum, investiment ta’ €10 miljun qegħdin nitkellmu, direttament fil-lokalitajiet tagħna, bi prinċipju li qaċċatna l-burokrazija, dik verament xi ħaġa li xtaqt jiena, li mhux biss nallokaw il-fondi, imma li litteralment il-kunsilli lokali nagħtuhom l-għodda sħiħa biex b’mod effiċjenti u kważi kważi mmedjat, jekk għandhom proġett ta’ fejda għal-lokalità u għar-residenti tal-lokal, nagħtuhom ir-riżorsi finanzjarji u l-għodda biex iwettquh b’mod immedjat.”
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, saħaq dwar il-ħtieġa ta’ viżjoni li biha jkollna bidla fil-mentalità ta’ kif inħarsu lejn l-ippjanar fil-lokalitajiet tagħna.
“Il-proġetti kienu u għadhom u se jibqgħu jiġu mill-kunsilli lokali u llum, bħala Public Works, qed inkomplu nsaħħu r-riżorsi tagħna biex dawk il-proġetti li qegħdin joħolmu l-kunsilli lokali, inwettquhom u nagħmluhom realtà fiż-żmien li ġej.”
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, saħaq li matul dawn l-aħħar snin dan il-Gvern kien dejjem minn ta’ quddiem biex jisma’ u jkun ta’ spalla għall-kunsilli lokali kollha madwar pajjiżna.
“B’dan il-framework ħa nkunu qed naraw li fejn għandek r-responsabilità tal-Public Works, li issa hi ċara u definita, tispiċċa u mbagħad tibda ta’ Infrastructure Malta. X’inhi din? Din hi sinerġija fil-Ministeru, jiġifieri bejni u bejn is-Segretarju Parlamentari u kif ukoll bejn id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħna, biex nagħtu xogħol aktar malajr u inqas burokratiku lill-kunsilli lokali.”
Filwaqt li semma għadd ta’ proġetti sbieħ għall-komunitajiet imwettqa anke b’sinerġija mal-kunsilli lokali, bħat-twettiq ta’ spazji miftuħa u r-riġenerazzjoni tal-wirt storiku, il-Prim Ministru Robert Abela temm jirrimarka li għaddejja wkoll ħidma favur aktar indafa u se jittieħdu aktar inizjattivi biex f’dan ir-rigward ikollna riżultati mill-aqwa.
“Dan l-aħħar ħdax-il sena dan il-pajjiż fisser li fih saru ħafna inizjattivi sbieħ favur in-nies, mill-implimentazzjoni tal-programm soċjali, infrastrutturali, hemm ħafna aktar x’nagħmlu, determinat, għandna l-ħeġġa u l-enerġija biex nibqgħu naħdmu”.
AQRA AKTAR: