Iffirmat memorandum of understanding bejn l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Kirurgi u l-Kulleġġ Irjali tal-kirurgi t’Edinburgh fl-Iskozja.
Ftehim li se jfisser aktar taħriġ estensiv u ta’ livell minn l-aqwa professjonisti fil-qasam mediku. B’hekk din se tkun opportunità biex tobba Maltin u barranin li jixtiequ jsiru kirurgi, jitgħallmu hawn Malta stess.
Għalkemm dan it-tagħlim u taħriġ diga qed isseħħ fid-dipartiment tal-istudji mediċi, it-taħriġ issa se jkun iktar prattiku u professjonali, kif stqarr il-President tal-kulleġġ Irjali tal-Kirurgi t’Edinburgh, il-Professur Michael Lavelle-Jones.
Minn naħa tiegħu l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kirurgi Maltin, Joe Galea qal li dan il-ftehim se jkun ifisser aktar kwalità fit-taħriġ li jingħata.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li permezz ta’ dan il-ftehim u oħrajn ma’ Barts Medical School, Malta mhux se tkun biss ċentru t’eċċellenza medika iżda se tkun tista’ tħares ’il quddiem biex issir ċentru ta’ tagħlim għall-ispeċjalizzazzjoni.