Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali – l-FSWS – u l-Youth Football Association iffirmaw Memorandum of Understanding biex bniet u subien li jilagħbu l-futbol mal-under 15, 17 u membri tal-istess assoċjazzjoni ikunu jistgħu jgawdu minn servizzi li jbegħduhom minn vizzji ħżiena.
Dawn is-servizzi huma bbażati fuq prevenzjoni u għalhekk se jkunu pprovduti serje ta’ taħditiet u taħriġ mal-amministratturi biex ikunu jistgħu jindunaw min forsi qiegħed jabbuża minn xorb, droga jew anke l-abbuż tal-użu eċċessiv tal-midja soċjali.
Il-Youth Football Association din is-sena tagħlaq erbgħin sena u f’dawn l-aħħar sentejn l-irwol tagħha ffoka aktar fuq il-qasam tal-futbol u ż-żgħażagħ. Dwar dan ONE News tkellem mal-President tal-Youth FA Norman Darmanin Demajo fejn tenna li l-futbol hu t-tieqa li jgħin liż-żgħażagħ jibqgħu attivi.
Qal, “Naħsbu li din il-kollaborazzjoni li ħa nagħmlu mal-aġenzija Sedqa tiffitja perfettament ma’ dawn s-servizzi li nixtiequ nagħtu speċjalment fil-qasam tal-futbol, taż-żgħażagħ u fejn hemm problemi li naħsbu li l-futbol jista’ jiftħilna dik it-tieqa biex inkunu f’pożizzjoni li nikkontribwixxu u naħsmu mas-sedqa.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti tenna li l-għan ta’ dan il-ftehim hu li jqajmu aktar għarfien dwar il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jgħixu ħajja sana u attiva.
Hu temm jgħid li fl-aħħar mill-aħħar, il-futbol kien u għadu l-iktar sport popolari u l-prijorità tagħhom hi li ż-żgħażagħ tagħna ma jaqgħux f’vizzji li ma jkunux jistgħu joħorġu minnhom.
Qal, “Nafu li l-futbol baqa’ l-iktar sport imfittex f’Malta u li jmorru fih żgħażagħ ta’ kull età. Aħna rridu nkunu hemmekk biex inwasslu l-messaġġ biex jiħdu gost b’mod san u ma jfittxux vizzji li jistgħu jbiegħduhom mill-isport li jħobbu.”