L-Aġenzija Sedqa u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) iffirmaw ftehim biex tkompli tisaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
B’dan l-iffirmar l-MEA se tkompli tgħin lis-Sedqa tippromwovi s-servizzi li toffri bl-għan li jinħoloq aktar għarfien dwar l-aġenzija, u biex is-servizzi offruti minn Sedqa jaslu fl-intraprizi.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali Alfred Grixti stqarr li l-problema tad-droga tant kibret f’Malta li f’xi każi anke f’festini ta’ magħmudija ġieli tiġi kkonsmata l-kokaina. Saħaq li l-isfida bħala l-aġenzija nazzjonali kontra l-abbuż tad-droga u l-alkoħol hija biex jiġi mgħejun min iħaddem biex ikun jista jittratta sewwa l-impjegati li jieħdu d-droga anke b’mod rikreazzjonali, speċjalment kull nhar ta’ Tnejn filgħodu meta l-burdata tal-impjegati tkun għada iperattiva minħabba tad-droga li jkunu kkonsmaw.
Id-Direttur Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia saħaq li din mhix sfida li trid terfa’ biss l-FSWS iżda kulħadd irid ikun parti minnha. Qal li x-xogħol jagħti d-dinjità lin-nies u persuna li tkun għaddiet minn żmien ħażin permezz ta’ xi vizzju għandha tingħata l-għajnuna biex terġa’ ssib ruħha fit-triq it-tajba. Semma kif l-użu ta’ drogi b’mod rikreazzjonali qed jaffettwaw il-postijiet tax-xogħol u għalhekk min iħaddem irid ikun mħarreġ biex jittratta l-problemi mal-impjegati.
Id-Direttur tal-Aġenzija Sedqa Charles Scerri appella biex is-servizzi tal-aġenzija jkunu reklamati f’kull attività biex jgħin aktar lil min iħaddem.
L-SME Helpdesk Executive tal-MEA Anton Vella saħaq li fl-aħħar nett dan se jservi ta’ investiment mhux biss għall-programm SAFE iżda wkoll għall-FSWS biex ikompli jissaħħaħ l-għarfien fuq il-postijiet tax-xogħol.