Il-Ministeru għal Għawdex iqis lid-Djoċesi ta’ Għawdex bħala stakeholder importanti u għalhekk il-ħtieġa ta’ kooperazzjoni u ta’ kollaborazzjoni bejniethom għall-ġid ta’ Għawdex u tal-Għawdxin. Għalhekk, ġew identifikati setturi ta’ interess komuni fosthom dak soċjali, ekonomiku, ambjentali u kulturali u ż-żewġ naħat se jikkollaboraw flimkien f’inizjattivi u fi proġetti.
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar, l-Isqof Mario Grech irrimarka li preżentament għaddejja ħidma siewja f’Għawdex kemm min-naħa tal-gvern ċentrali kif ukoll mill-Knisja. Permezz ta’ dan il-ftehim irridu nsaħħu l-kollaborazzjoni mal-Istat biex inkunu ta’ aktar servizz għas-soċjetà tagħna, qal l-Isqof Grech. L-Isqof fakkar li l-missjoni tal-Knisja hi li tippromwovi dak kollu li jgħin biex tiġi mħarsa d-dinjità tal-bniedem u jitkattru l-ġid u l-ħarsien soċjali, kulturali u ambjentali. Filwaqt li rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex, l-Isqof Grech spjega li l-Knisja, permezz ta’ dan il-ftehim, se tkun aktar ta’ servizz għall-komunità Għawdxija.
Il-Ministru Justyne Carauna qalet li tqis lill-Knisja f’Għawdex bħala sieħeb strateġiku u ta’ importanza speċjalment fis-settur soċjali. Il-Ministru Caruana irrimarkat li matul is-snin, il-gvern ċentrali dejjem qies id-Djoċesi ta’ Għawdex bħala kontributur ewlieni għall-ġid tal-komunità Għawdxija.