Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras u l-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele ffirmaw Memorandum of Understanding bil-għan li tissaħħaħ iżjed il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
Permezz tal-Memorandum of Understanding, iż-żewġ partijiet qed jaqblu li jikkoperaw flimkien fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet u ta’ proġetti li jolqtu kemm lill-anzjani kif ukoll lill-persuni b’diżabilità. Il-partijiet qed jaqblu wkoll li jikkollaboraw flimkien f’inizjattivi ġodda dwar skemi bħal kiri ta’ tagħmir għall-anzjani u għall-persuni b’diżabilità.
Il-partijiet qegħdin jaqblu wkoll li jiddiskutu proġetti jew attivitajiet flimkien, li jipprovdu taħriġ għall-istaff, li jipprovdu pjan ta’ sapport għal residenti b’diżabilità fid-djar tal-anzjani u li jsibu modi ta’ kollaborazzjoni ulterjuri fuq proġetti komuni sabiex b’hekk jitqassmu r-riżorsi u titnaqqas il-burokrazija żejda.
Barra minn hekk, permezz tal-Memorandum of Understanding, il-partijiet jaqblu li se jibdew iħeġġu lill-istaff sabiex iwettqu riċerki relatati ma’ anzjani b’diżabilità u jaqblu li se jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis, li kien preżenti waqt l-iffirmar, spjega li l-Memorandum of Understanding se jkun qed iżid il-kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, iżda fuq kollox se jkompli jgħin biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani u tal-persuni b’diżabilità.