Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela żar il-Kuwajt b’mod uffiċjali għall-ewwel darba fit-3 u l-4 ta’ Ottubru 2018 għal taħditiet mal-ogħla awtoritajiet politiċi u kummerċjali.
Il-Ministru kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Kuwajt, Patrick Cole, u minn delegazzjoni istituzzjonali magħmula mir-Rettur tal-Università ta’ Malta, Alfred J. Vella, u Stefania Agius-Fabri, Direttriċi tal-Uffiċċju Internazzjonali; il-Kap Eżekuttiv tat-Trade Malta, Anton Buttigieg; u l-Kap tar-Relazzjonijiet Esterni tal-Malta Enterprise, Jurgen Zammit. Din iż-żjara ħabtet mas-46 anniversarju mill-bidu tar-relazzjonijet diplomatiċi bilaterali, fit-3 ta’ Ottubru tal-1972.
Fil-laqgħat politiċi kollha saret referenza għar-relazzjonijiet tajbin ħafna bejn iż-żewġ pajjiżi, bl-awtoritajiet Kuwajtjani jfakkru b’mod partikulari l-appoġġ li esprimiet Malta meta seħħet l-invażjoni tal-Kuwajt fl-1990 u l-pożizzjoni li kien ħa Guido de Marco, li dak iż-żmien kien il-President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Ministru Abela ntlaqa’ mill-Emir tal-Istat tal-Kuwajt, ix-Xejikk Sabaħ Al-Aħmad Al-Ġaber Al-Sabaħ. Huma ddiskutew il-qagħda ta’ bħalissa fir-Reġjun tal-Golf Għarbi u fil-Mediterran, kif ukoll kwistjonijiet ta’ interess bilaterali. Il-Ministru Abela saħaq li l-gvern Malti huwa impenjat biex il-kuntatti politiċi u ekonomiċi bejn iż-żewġ pajjiżi jkomplu jissaħħu.
Laqgħa oħra saret mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, ix-Xejikk Sabaħ Kaled Al-Ħamad Al-Sabaħ, li t-taħditiet miegħu ffukaw fuq ir-relazzjonijiet bilaterali, ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kuwajt, kif ukoll fuq kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali. Iż-żewġ Ministri osservaw li bejn il-Kuwajt u Malta jeżisti qafas legali b’saħħtu għar-relazzjonijiet bilaterali permezz tal-għadd imdaqqas ta’ ftehimiet bejniethom, u esprimew ir-rieda tagħhom li jkomplu jespandu tali koperazzjoni. Il-Ministri ffirmaw ukoll Memorandum ta’ Qbil fil-Qasam tal-Edukazzjoni Għolja u r-Riċerka Xjentifika. “Malta tilqa’ bi pjaċir l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim u tawgura li jwitti t-triq biex tiġi kkonsolidata aktar koperazzjoni f’dan il-qasam,” ikkummenta l-Ministru Abela. Qal ukoll li l-preżenza tar-Rettur tal-Università ta’ Malta fid-delegazzjoni tixhed impenn ċar favur li dan in-numru jikber u biex jiġu ddiversifikati l-oqsma ta’ studju mfittxin, bħall-inġinerija. Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Kuwajtjan semma l-apprezzament tiegħu għall-opportunitajiet offruti lill-istudenti Kuwajtjani, u faħħar lil Malta bħala post ideali fejn il-Kuwajtjani jistgħu jistudjaw barra minn pajjiżhom.
Bħalissa l-Kuwajtjani jiffurmaw it-tielet l-akbar grupp internazzjonali ta’ studenti fl-Università ta’ Malta. B’kollox, f’dawn l-aħħar tmien snin iggradwaw 82 student Kuwajtjan wara li kienu rebħu borża ta’ studju, bil-biċċa l-kbira tagħhom itemmu b’suċċess l-istudji u t-taħriġ tagħhom fil-mediċina u d-dentistrija, u ftit oħrajn fil-kummerċ, fil-komunikazzjoni, fix-xjenzi tas-saħħa, fl-arkitettura, u fir-relazzjonijiet internazzjonali. Waqt iż-żjara uffiċjali fil-Kuwajt, il-Ministru Abela ltaqa’ ma’ grupp ta’ eks studenti Kuwajtjani tal-Università ta’ Malta u tkellem magħhom dwar l-esperjenza tal-istudju tagħhom f’Malta.
Laqgħa oħra saret mal-President tal-Assemblea Nazzjonali tal-Kuwajt, Marżuq Ali Al-Ganim. Iż-żewġ naħat esprimew it-tama li jkun hemm żieda fl-iskambju ta’ żjarat ta’ livell għoli, inkluż fil-livell parlamentari, wara li jitwaqqaf Grupp ta’ Ħbiberija Parlamentari bejn il-Kuwajt u Malta.
Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Kummerċ u l-Industrija, Kalid Naser Al-Rodan, kif ukoll mad-Direttur Ġenerali tal-Kuwait Direct Investment Promotion Authority, ix-Xejikk Mesħaal Ġaber Al-Aħmad Al-Sabaħ. F’dawn il-laqgħat, iż-żewġ naħat qablu dwar il-ħtieġa li l-iskambji kummerċjali jkomplu jissaħħu. Qablu wkoll dwar diversi opportunitajiet ta’ koperazzjoni bejn il-Kmamar tal-Kummerċ rispettivi taż-żewġ pajjiżi, kif ukoll il-Malta Enterprise u t-Trade Malta, u li huwa importanti li ssir ħidma flimkien b’mod tanġibbli.
Mal-eks Prim Ministru tal-Kuwajt, ix-Xejikk Nasser Al-Muħammed Al-Sabaħ, il-Ministru Abela ddiskuta dwar l-iżviluppi li qed iseħħu fil-Mediterran, l-aktar b’rabta mal-migrazzjoni kif ukoll mar-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq.
Intant, fi triqtu lejn il-Kuwajt, il-Ministru Abela akkumpanja lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro-Preca waqt żjara f’Dubaj, li matulha żaru l-kiosk Malti fis-Cityscape Exhibition, vetrina internazzjonali ewlenija ta’ opportunitajiet ta’ investiment fil-proprjetà immobbli fi swieq emerġenti minn madwar id-dinja kollha. Id-delegazzjoni attendiet ukoll għal serata fl-okkażjoni tal-54 anniversarju tal-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta, fejn kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-membri tal-komunità Maltija kif ukoll ma’ dinjitarji u kummerċjanti ewlenin lokali.