Ġie ffirmat il-ħames Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku. Dan il-ftehim se jkun qed jaffettwa madwar 30,000 impjegat u se jkun qed jiswa €17-il miljun fl-2017, liema żieda titla’ għal €20.5 miljun fl-2024. Dan jinkludi kemm żidiet l-pagi u żieda f’xi allowances.
Din hija l-ewwel darba li l-ftehim se jkopri perjodu ta’ 8 snin. Dan jassigura iktar stabilità filwaqt li l-Amministrazzjoni Pubblika tkun tista’ tkompli twettaq il-bidliet meħtieġa, tinvesti n-nies u toffri servizz ta’ kwalità.
IL-FTEHIM
Il-ftehim jassigura żieda fis-salarji tal-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika sa mill-ewwel sena li jidħol s-seħħ. Iż-żieda fil-pagi hija ta’ madwar €16.5 miljun fl-ewwel sena, liema żieda titla’ għal madwar €20 miljun sal-aħħar ta’ dan il-Ftehim.
Dawk il-persuni li jkomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar issa mhux se jibqgħu jitilfu d-dritt għall-pre-retirement leave li jkunu ħadmu għalih matul is-servizz li jkunu taw. Se jkunu jistgħu jeħduh kif jispiċċaw l-impjieg.
Ħaddiema li jaħdmu bix-shift se jkollhom ukoll bidla x-shift allowance tagħhom.
Dawk il-ħaddiema li jkollhom kwalifika li hija addizzjonali ma’ dak li kien meħtieġ biex jagħmlu x-xogħol tagħhom, se jkollhom żieda wkoll l-qualification allowance. Dan imur id f’id mal-viżjoni tal-Amministrazzjoni Pubblika li ttejjeb dejjem aktar il-kwalifiki tal-impjegati tagħha. Dan isir anke permezz tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi li issa mhuwiex biss iċ-ċentru ta’ taħriġ għall-ħaddiema tal-Amministrazzjoni Pubblika, imma huwa entità legali li twaqqfet bi sħab mal-Università ta’ Malta u l-MCAST.
Il-Prim Ministru qal li l-għan ta’ dan il-Gvern hu li jistabilixxi lilu nnifsu bħala model employer – li jkun ta’ ezempju għal min jimpjega.
F’pajjiż fejn qed noħolqu rekord ta’ impjiegi b’mod globali , iridu niżguraw li jkollna impjiegi ta’ kwalita’ bil-ħarsien ta’ drittijiet tal-ħaddiema.
Joseph Muscat qal li l-ftehim kollettiv huwa importanti għax mhux biss iżid il-paga ta’ 30,000 ħaddiem u jagħti bosta drittijiet oħra kif spjega ċar il-Kap taċ-Ċivil imma ġie imġedded fi ftit xhur b’differenza minn kif kien isir qabel.
L-avvanz ta’ pajjiż ma jkun avvanz xejn jekk ikun wieħed biss li jissaraf f’numri , u mhux f’aktar drittijiet u kwalita’ ta’ ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.
Tul dawn l-aħħar erba’ snin, tarġa wara tarġa, l-Gvern żgura li l-iżvillup ekonomiku qatt ma jsir a skapitu ta’ drittijiet tal-ħaddiema. Baqa’ ħafna xi jsir, żied jgħid, mhux biss fiċ-Ċivil iżda anke f’setturi oħra privati bħall-ospitalita’ u oqsma oħra.
Dan il-Gvern attakka l-prekarjat b’rata bla preċedent u minn Gvern li qabel kien jisponsorja l-prekarjat , għamilna d-differenza u il-Gvern wassal biex ħaddiema li jaħdmu mal-privat u jitħallsu indaqs daqs ħaddiema li jaħdmu direttament mal-Gvern u jagħmlu l-istess xogħol.
Issa jonqos kwistjoni oħra li l-Gvern determinat li jsolvi wkoll fir-rigward tal-prekrajat fejn ikun hemm sitwazzjoni ta’ kumpaniji privata tħaddem impjegati li jagħmlu xogħol mal-Gvern u impjegati oħra li jaħdmu ma kumpaniji jew nies oħra privati u mhumiex jitħallsu l-istess paga għall-istess xogħol . Fuq din il-problema diġa’ bdiet konsultazzjoni mal-Unions.
Ftit jiem ilu dan il-Gvern neħħa kwalunkwe diskriminazzjoni bejn uffiċjali pubbliċi u ħaddiema f’setturi oħra li ġejjin minn barra s-servizz pubbliku. Din id-diskriminazzjoni tneħħiet mhux biss għal din il-leġiżlatura imma fil-konfront ta’ ħaddiema kollha li ser jiġu impjegati maċ-Ċivil fil-futur. Ikun hemm min ikun hemm fil-Gvern.
Dan b’differenza li kien iseħħ qabel, fakkar il-Prim Ministru, fejn qabel l-elezzjoni kien jintlaħaq ftehim ta’ darba biss, biex ħaddiema li ġejjin barra is-Servizz pubbliku jingħataw kuntratt definit qabel l-elezzjoni. Dan il-Gvern ma jemminx bil-pjaċiri iżda bi drittijiet .
“Aħna nifhmu li l-ikbar riżorsa li għandu s-Servizz Pubbliku huma n-nies” spjega l-Prim Ministru. Spjega li jekk il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema ma jispirawx fiduċja, motivazzjoni u sens ta’ appartenenza allura qatt ma nistgħu naspiraw għal servizzi ta’ eċċellenza għaċ-ċittadin kif jixiriqilhom f’soċjeta kontemporanja li qed tagħmel suċċess u dejjem tavvanza ‘il quddiem.
Spjega li meta l-Gvern jagħtu aktar lill-ħaddiema taċ-Ċivil mhux biss ikunu qed jiggwadanjaw huma u l-familji tagħhom iżda ċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin li jibbenefikaw minn servizz aħjar mill-ħaddiema taċ-Ċivil.
F’dawn l-erba’ snin, qal Joseph Muscat, saru riformi kbar biex nagħmlu servizz ċivili aktar effiċjenti u aktar user friendly. Nifhem li biex saru dawn il-bidliet kollha f’dan iż-żmien qasir , intgħalab sforz kbir mill-ħaddiema taċ-ċivil biex jiġu rispettati deadlines u kulħadd jiġbed ħabel wieħed .