Waqt ċerimonja li fiha ġie ffirmat il-ftehim kollettiv ġdid għall-uffiċjali korrettivi, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li jinsab tassew sodisfatt li dan se jwassal biex jingħalaq ċiklu li fih il-ħaddiema kollha tal-forzi tal-ordni se jkunu gawdew minn ftehimiet kollettivi ġodda.
Huwa qal li permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, se jkun hemm titjib fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema u li fl-aħħar mill-aħħar minnhom se jgawdu l-familji tagħhom. Huwa spjega li din il-kisba tal-lum kienet possibbli bl-appoġġ tas-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.
Dan il-ftehim kollettiv seħħ permezz ta’ djalogu soċjali flimkien mal-union li tirrappreżenta lill-ħaddiema, liema taħditiet tmexxew mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern.
Il-Ministru Camilleri stqarr li “Matul din is-sena biss dan il-Gvern se jinvesti ħmistax-il miljun ewro fi kważi 5,000 ħaddiem tal-korpi dixxiplinati għaliex jemmen li l-ħaddiema huma kruċjali għat-tisħiħ tas-sigurtà f’pajjiżna. It-twemmin ta’ dan il-Gvern hu li filwaqt li kull ħaddiem jaqdi bl-aħjar mod possibbli d-dmirijiet kollha tiegħu, jiġi mħallas bl-iżjed mod ġust u xieraq,”
Dan il-ftehim huwa dritt ġdid li għall-ħaddiema ta’ din l-aġenzija jsegwi oħrajn li ngħataw minn din l-amministrazzjoni fosthom, il-ħamsa u għoxrin sena servizz u ċ-ċans li l-ħaddiema jissieħbu f’union tal-għażla tagħhom. Benefiċċji oħrajn tal-ftehim jinkludu titjib fil-paga u allowances ġodda għall-uffiċjali, flimkien ma’ kumpens finanzjarju ġust għas-sigħat maħduma wara l-40 siegħa xogħol fil-ġimgħa.