Il-ħaddiema membri tal-General Workers’ Union se jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar permezz ta’ ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi u l-kumpanija Support Services Ltd.
Il-ftehim, li jkopri s-snin 2022-2025, huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fejn qed ikunu stipulati d-drittijiet tal-ħaddiema, l-obbligi tagħhom, u anke l-mod kif għandha ssir id-dixxiplina, fost oħrajn.
F’każ li persuna titressaq quddiem Bord, dan ma jkunx kompost mill-maniġment biss imma minn tliet persuni – wieħed mill-maniġment, ieħor mill-GWU, u chairperson maqbul mit-tnejn.
Is-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv u saħaq li dan ġie konkluż minkejja l-pandemija, li wasslet biex il-proċess jieħu ftit aktar fit-tul.
Huwa spjega li s-salarju tal-ħaddiema huwa determinat miċ-ċirkulari li joħroġ il-Gvern, billi Support Services Ltd hi kumpanija li titfa’ l-offerti għall-kuntratti tal-Gvern.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja.