Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti daħal f’konvenju mas-sidien tas-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu tal-Ħamrun.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali u l-Arti, Owen Bonnici.
Intqal kif l-għan ta’ dan il-konvenju mas-sidien ta’ din il-proprjetà tinxtara u b’hekk din is-soċjetà mużikali rinomata tiġi protetta minn periklu imminenti ta’ żġumbrament. B’din l-għaqda kienet f’riskju imminenti li tiġi żġumbrata minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.
Hawnhekk l-investiment tal-Gvern fil-mument li dan il-konvenju jimmatura f’kuntratt hu ta’ aktar minn żewġ miljun u tmien mitt elf ewro.
Il-Ministru Bonnici spjega li l-ħidma biex jiġu salvati l-każini tal-baned jinsabu f’riskju ta’ żġumbrament u qal li din il-ħidma hi importanti ikbar fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija hi issa meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.
Il-Ministru saħaq li b’dan il-konvenju, il-Gvern qiegħed għal darb’oħra jaġixxi korrettament kemm mas-sidien, kif ukoll mas-soċjetà mużikali.
“Tal-lum kien pass ieħor importanti biex insalvaw soċjetà mużikali oħra, din id-darba s-Soċjetà Mużikali San Gejtanu. B’kollox il-Gvern salva jew qiegħed fil-proċess li jsalva tnax-il soċjetà mużikali, b’investiment li jmur li jkollna aktar kultura fil-futur tas-soċjetajiet ta’ pajjiżna. Aħna nemmnu li dan huwa pass importanti ’l quddiem għax dan huwa Gvern li jemmen f’dak li jsawwar il-kultura ta’ pajjiżna.”
Intqal li meta jsiru l-akkwisti rispettivi l-ammont ta’ investiment totali biex jiġu salvati dawn is-soċjetajiet mużikali se jkun qed jitla’ għal €19-il miljun.
Intant, f’messaġġ fuq il-midja soċjali dwar din l-aħbar, l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu rringrazzja lill-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela hekk kif f’din l-aħbar ingħataw is-serħan il-moħħ.
Intqal ukoll li b’din l-aħbar, il-każin se jibqa’ jservi bħala d-darba tagħhom u ċentru mużikali ewlieni fil-pajjiż.