Il-Ġimgħa sar pass ieħor biex ħolma ta’ deċenji għal Puttinu Cares issir realtà, hekk kif sar l-iffirmar ta’ ftehim mill-Fondazzjoni Puttinu Cares dwar ix-xiri ta’ proprjetà għall-pazjenti Maltin fiċ-ċentru ta’ Londra.
Daqqa ta’ pinna fl-Ambaxxata għal Malta fl-Ingilterra, se twassal biex fix-xhur li ġejjin, din il-proprjetà tiġi rinovata u tinbidel fi tlieta u għoxrin appartament għall-użu tal-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom, li jiġu bżonn il-kura għall-kanċer fl-Ingilterra.
Il-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri qalet li din il-binja se tiffaċilita ħafna t-traġitt tal-pazjenti, li l-maġġoranza tagħhom jiġu bżonn il-kura fl-isptarijiet ta’ Great Ormond Street, Moorefields u n-National Hospital for Neurology fiċ-ċentru ta’ Londra.
Qalet, “Wara seba’ snin ta’ tfittxija għall-proprjetà ideali, fl-aħħar nistgħu ngħidu li sibna proprjetà li hija għaxar minuti bogħod miċ-ċentru ta’ Londra fejn il-maġġoranza tal-pazjenti jiġu għat-trattament fl-isptarijiet f’Londra u aħna bħala Puttinu ħa nkunu qed nagħmlu din il-binja biex inkomplu nipprovdu appartamenti b’xejn u nagħtu dinjità lil min jiġi bżonnhom.”
Preżentament, Puttinu Cares għandu żewġ binjiet f’Sutton, li jinkludu għoxrin appartament.
Waħda mill-qraba tal-pazjenti li qed jagħmlu użu minn dawn l-appartamenti, hija Diane Cassar.
Spjegat, “Niltaqa’ ma’ nies hawnhekk li jkollhom bżonn servizz li qiegħed iktar fiċ-ċentru ta’ Londra allura dawn l-appartamenti l-ġodda li ħa jsiru, ħa jkunu ta’ benefiċċju kbir għalihom għaliex inti hemmhekk ħa jkollok appartamenti viċin l-isptar li għandek bżonn tuża inti.”
Anthony Camilleri għandu l-leukemia u ilu sitt xhur jgħix fl-appartamenti ta’ Puttinu f’Londra. Huwa jispjega kif l-għajnuna ta’ Puttinu hija imprezzabbli.
Qal, “Dalwaqt nispera li ssirli l-operazzjoni. Hawnhekk qegħdin kuntenti, imn Alla kien Puttinu għalina għax li kieku biex tiġi hawnhekk għandek spejjeż kbar hux.”
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza ta’ mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, li faħħret il-ġenerożità tal-Maltin li wasslet biex ikun jista’ jsir investiment bħal dan.
Qalet, “Il-binja tal-lum tmur oltre mill-binja nnifisha għaliex huwa investiment fil-poplu Malti u Għawdxi, li ma jafx jekk u meta se tiġi s-siegħa tal-bżonn.”
Dan il-proġett se jiġi jiswa madwar għoxrin miljun ewro u ħa jkun maqsum f’żewġ fażijiet; l-ewwel ix-xiri tal-binja imbagħad ir-rinovar biex tkun adattata għall-bżonnijiet tal-pazjenti.
Il-finanzjament għalih se jsir bid-donazzjonijiet li nġabru mingħand il-poplu Malti, il-ħames miljun ewro li ngħataw mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, u self ta’ għaxar miljuni mill-Bank of Valletta biex jiġu koperti spejjeż u jkun jista’ jsir ir-rinovar.
Il-binja se tissemma għall-mibki Dr Victor Calvagna.