Wara diversi kumplikazzjonijiet, il-kuntratt tal-pont tal-Bypass tal-Imrieħel ġie finalment iffirmat mid-Direttur Ġenerali.
Din kienet wiegħda li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat fiż-żona magħrufa bħala Tal-Blat 2, f’Ħal Qormi.
Dan il-Gvern fehem il-bżonn li jinħoloq mezz biex ir-residenti Qriema jaqsmu b’mod sigur minn din it-triq arterjali li ħalliet diversi vittmi fosthom żewġ tfajliet Qriema.
F’kummenti għal din l-aħbar, is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar qalet li għal dan il-Gvern il-ħajja tan-nies hija imprezzabbli, u li tħares ‘l quddiem sabiex jibdew ix-xogholijiet.
Taħt Gvern preċedenti, dak iż-żmien Ministru Austin Gatt kien qal li ftit jaqsmu nies minn fuq dan il-pont, u l-unika miżura li qatt ittieħdet kienu barriers tal-ħadid, li xorta ma solvewx il-problema. Ħafna Qriema li jaħdmu l-Imrieħel jridu jaqsmu dik t- triq kuljum. Hemm komunità ta’ madwar ħamsin familja tgħix fuq tal-blat 2, li jkollhom jaqsmu biex jinżlu għaċ-ċentru ta’ Ħal Qormi għal kull servizz li jkollhom bżonn.
Ir-ritratt huwa muntaġġ ta’ kif jista’ jiġi l-pont.