L-Uffiċjali tal-Pulizija, li jgħoddu aktar minn 2,000, se jingħataw żieda fil-paga u se jibdew jaħdmu ġimgħa ta’ 40 siegħa xogħol flok 46 siegħa. Dan bis-saħħa tal-ewwel ftehim kollettiv li se jkopri perjodu ta’ ħames snin u se jelimina bosta anomaliji.
Il-ftehim ġie ssiġillat fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Kevin Mahoney, mill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u r-rappreżentanti tal-unions.
Il-Kummisarju tal-Pulizija qal li dan il-ftehim se jsarraf f’iżjed flus f’idejn il-membri tal-Korp għax se jogħlew fl-iskala. Spjega kif “ċertu sezzjonijiet tal-Korp, minħabba l-essiġenzi tas-servizz, jista’ jkun li jaħdmu iżjed minn 40 siegħa, iżda kull siegħa li se jaħdmu fuq l-40 siegħa se jitħallsu ta’ kull siegħa. L-introduzzjoni tal-‘1 scale up’ se jirrifletti fil-pensjoni, jiġifieri minn jitlaq wara 25 jew 30 sena servizz se jibqa’ jibeneffika”
Dan il-ftehim sar wara li għall-ewwel darba kienu l-membri tal-Korp tal-Pulzija stess li vvutaw b’mod unanimu għalih, wara li kienu ngħataw id-dritt li jissieħbu f’Union.
Il-ftehim settorali se jwassal ukoll għal żieda fil-benefiċċju li jieħdu l-uffiċjali tal-Korp fosthom ‘il-Police Force Allowance’ għall-Pulizija kollha u d-‘Disturbance Allowance’ għall-Ispetturi u s-Supretendenti.
Il-President tal-Police Officers Union l-Ispettur, Sandro Camilleri qal li dan il-ftehim se jwassal għal żidiet sostanzjali:
“Ovvjament se jibbenefika kullħadd bil-gradi u d-differenzi tiegħu fosthom fil-ħin li ħa nnaqsu u anke fl-‘hourly rate’ u l-‘overtime rate’ u kif ukoll fl-‘allowances’ li nieħdu fejn illum kuntistabbli jieħu €300 fis-sena u issa se jibda jieħu €1600 fis-sena, jiġifieri xi sitt darbiet iżjed”.
Il-President tal-Malta Police Association, l-Ispettur Malcolm Bondin spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim; il-Kuntistabbli, s-Surġenti, l-Maġġuri u l-Ispetturi ser jitilgħu skala fil-ġerarkija tal-gvern li se ssarraf f’iżjed paga:
“L-anomalija li kellna fil-Korp tal-Pulziija li konna naħdmu 46 siegħa, xi ħaġa li konna nagħmlu aħna biss u din se tirrifletti l-hourly rate ukoll. Xi ħaġa importanti ħafna hija l-iskala li apparti li se nogħlew fl-iskala li din hi pensjonabbli u prattikament se tiġi aġġustata wkoll il-pensjoni tal-membri tagħna għal meta jitilqu mill-Korp”.
Iż-żidiet fl-allowances se jingħataw b’lura mill-1 ta’ Jannar li għadda filwaqt li l-benefiċċji l-oħra se jidħlu fis-seħħ mit-Tlieta.
L-iffirmar tal-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru Michael Farrugia u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar.
Il-Ministru ħabbar kif se titwaqqaf it-Taqsima tal-Prosekuzzjoni fi ħdan il-Korp biex ikunu professjonisti oħra li jmexxu l-każ tal-Pulizija fil-Qorti. Dan bil-għan li jonqos il-piż tax-xogħol minn fuq l-Ispetturi, filwaqt li jkollhom aktar ħin jikkonċentraw fuq l-investigazzjonijiet:
“Membri jew ex-membri li ntuhom iċ-ċans li jaħdmu fil-prosekuzzjoni flimkien ma’ avukati mill-Avukat Ġenerali jkollu wkoll numru sostanzjali ta’ avukati li jaħdmu sabiex insaħħu l-qasam tal-prosekuzzjoni f’pajjiżna”
Il-Ministru Farrugia żied jgħid li din se twassal biex l-Ispetturi jkollhom iżjed ħin mal-familji tagħhom.