Beda uffiċjalment ix-xogħol biex il-ħażna tal-fjuwil tibda ssir f’impjant iktar modern f’Ħas-Saptan. Dan hekk kif il-Ħamis wara nofsinhar kien iffirmat il-ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati.
Il-proġett se jkun maqsum f’żewġ partijiet. Dak ta’ taħt l-art se jiswa mal-ħamsa u tletin miljun ewro, filwaqt li dak ta’ fuq l-art se jiswa sitta u għoxrin miljun. Meta wieħed iżjed l-ispejjeż anċillari l-oħra, l-investiment jitla għal sebgħin miljun ewro.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop spjega kif iż-żona magħżula se telimina problema li kienet inħolqot f’Birżebbuġa.
L-iffirmar sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi, li fakkar kif l-impjant il-ġdid se jkun iktar modern u iktar sigur.
Waqt l-iffirmar li sar fl-uffiċini tal-Enemed f’Ħal Luqa, Chircop ħabbar ukoll li jinsab fi stadju avvanzat il-proċess biex tkun imtejba l-ħażna tal-fjuwil fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Spjega kif dan huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-Enemed se tkun qed twettaq bil-għan li jkunu mtejjba l-impjanti u l-infrastrutturi kritika tal-pajjiż biex b’hekk ikunu skont dak meħtieġ.