Ġie ffirmat ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Akkademja tal-Mediterran għall-Istudji Diplomatiċi u l-Akkademja tal-Marokk għall-Istudji Diplomatiċi, bil-għan li tiġi msaħħa l-kooperazzjoni fir-rigward tar-riċerka, taħriġ u skambju f’dan is-settur.
Dan se jkun qed jgħin biex studenti miż-żewġ pajjiżi jkunu jistgħu jimxu ‘l quddiem fl-istudji tagħhom u jkomplu jkabbru l-għarfien tagħhom.
Il-ftehim ġie ffirmat waqt laqgħa bilaterali bejn il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Kooperazzjoni Afrikana u l-Espatrijati Marokkini, Nasser Bourita.
“Komplejna nsaħħu r-relazzjoni tagħna ma’ imsieħba importanti fir-reġjun tal-Mediterran sabiex niżguraw aktar stabbiltà,” qal il-Ministru Borg.
Iż-żewġ ministri tennew dwar il-bżonn ta’ aktar diskussjoni bejn l-istati kollha tal-Mediterran sabiex ikunu indirizzati l-kwistjonijiet tant neċessarji.
“Bħala Ministru fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropa se nibqa’, kif dejjem għamilt, nitkellem u mmexxi ‘l quddiem l-importanza li bħala Unjoni niddiskutu l-viċinat tan-Nofsinhar,” qal il-Ministru.
Matul il-laqgħa kienu diskussi r-relazzjonijiet bilaterali u t-tisħiħ tagħhom, ftehimiet ta’ kooperazzjoni potenzjali għaż-żmien li ġej, ir-relazzjonijiet ta’ bejn il-Marokk u l-Unjoni Ewropea, l-Immigrazzjoni u anke l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi, inkluż kif dan se jiġi msaħħaħ fiż-żmien li ġej permezz ta’ din iż-żjara. Il-Libja u l-invażjoni Russa fl-Ukrajna kienu wkoll fuq l-aġenda.