Viżjoni komuni għall-futur u b’appoġġ kemm fir-riċerka eżisteni kif ukoll proġetti ġodda. Hekk jista’ jiġi deskritt il-ftehim li ġie ffirmat l-Erbgħa bejn l-entità governattiva Xjenza Malta u l-Consiglio Nazionale delle Ricerche tal-Italja.
Il-ftehim, li ġie ffirmat fl-Esplora fil-preżenza tal-Ministru Clifton Grima, fost l-oħrajn, se jiffaċilita proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni, b’enfasi fuq riżultati tanġibbli, waqt li jipprovdi finanzjament lil riċerkaturi lokali biex jikkollaboraw fuq attivitajiet u proġetti li jservu bħala pedamenti għal sħubijiet akbar u fit-tul.
Għan ieħor tal-ftehim hu li jikber l-impenn taż-żewġ entitajiet nazzjonali biex iqarreb iżjed ix-xjenza lejn is-soċjetà, waqt li jiżgura li r-riżultati tar-riċerka jkunu aċċessibbli u ta’ impatt lil hinn mix-xogħol akkademiku.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Xjenza Malta, Silvio Scerri, iddeskriva dan il-ftehim bħala pass importanti fil-koperazzjoni reġjonali. L-istess esprimiet il-Professur Maria Chiara Carrozza, President tal-awtorità Taljana, dwar din il-ftehim b’relevanza strateġika.
Ingħad li, bejn iż-żewġ partijiet, hemm ambizzjoni konġunta biex din il-koperazzjoni tespandi fi programm formali ta’ finanzjament għal riċerka bilaterali, simili għal kollaborazzjonijiet attwali ta’ Xjenza Malta.
Dan il-ftehim qed jitqies bħala mira sinifikanti wkoll fis-sħubija bejn iż-żewġ pajjiżi, li jirrikonoxxu li r-riċerka hi kruċjali anke fi tkabbir ekonomiku sostenibbli u fl-indirizz ta’ sfidi soċjo-ekonomiċi.
Il-Ministru Malti għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni qal li, b’dan il-ftehim, il-Gvern qed jagħti importanza lir-riċerka u l-innovazzjoni, għax ukoll jistabbilixxi qafas strutturat biex javvanza inizjattivi konġunti ma’ pajjiżi oħrajn.
“Meta tara entitajiet internazzjonali ta’ reputazzjoni internazzjonali jaħdmu ma’ Xjenza Malta, li llum għandha rwol ferm aktar proattiv mill-passat, hi xi ħaġa importanti ħafna meta tħares lejn il-viżjoni tagħna, lejn dawk li huma l-iskopijiet li għandna għas-settur.”
Il-Ministru Clifton Grima