L-Awtorità Maltija tal-Mediċini u l-Agenzia Italiana Del Farmaco ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni f’Ruma, li għandu l-għan li jsaħħaħ is-settur farmaċewtiku rispettiv taż-żewġ pajjiżi.
Dan il-ftehim, li kien presedut mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Malti, Jo Etienne Abela, mhux biss qed jafferma mill-ġdid ir-rabta qawwija bejn il-pajjiżi, iżda qed jikkonferma wkoll l-impenn ta’ Malta għall-kollaborazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea u fuq kollox favur il-pazjenti lokali.

Il-Ministru Abela qal kif l-għan ta’ dan il-ftehim hu li jissaħħaħ ir-rwol tal-Italja u Malta bħala msieħba ewlenin fl-implimentazzjoni mhux biss tal-politika farmaċewtika Ewropea, imma biex tkun mtejba s-sigurtà u l-aċċess għall-mediċini, fl-istess ħin li tkun promossa l-innovazzjoni u s-sostenibbiltà fil-Mediterran u fl-Unjoni Ewropea kollha.
“Kuntent ħafna b’dan il-ftehim bejn l-Awtorità tal-Mediċini Maltija u dik Taljana. Iż-żewġ pajjiżi għandhom l-opportunità li jkomplu jikbru fix-xjenza regolatorja tal-mediċini.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Dan il-ftehim se jassigura bdil ta’ informazzjoni u l-aħjar prattiċi fix-xjenzi regolatorji, irawwem l-addattament tal-metodoloġiji innovattivi, inklużi d-diġitalizzazzjoni, l-awtomazzjoni regolatorja u l-intelliġenza artifiċjali biex itejbu t-teħid ta’ deċiżjonijiet regolatorji u l-effiċjenza, waqt li jsiru sforzi konġunti permezz ta’ parteċipazzjoni fis-sejħiet internazzjonali għall-koperazzjoni, tibni reżiljenza kontra emerġenzi tas-saħħa u jissaħħu l-kapaċitajiet operattivi u l-kompetenza tal-impjegati.

Il-Ministru kompla li, bil-ftehim, iż-żewġ pajjiżi jkomplu javvanzaw fix-xjenza regolatorja tal-mediċini.
“Hu importanti li żewġ pajjiżi ġirien, bħalma huma tagħna, jibbenefikaw minn kollaborazzjoni li l-għan tagħha hu li l-pazjent tagħna jinqeda aħjar.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
F’Ruma, il-Ministru Malti ltaqa’ wkoll mal-Ministru għas-Saħħa Taljan, Orazio Schillaci, fejn iddiskutew aktar kollaborazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi dwar aċċess għall-mediċini, trapjanti, screening, trasfużjoni u taħriġ ta’ professjonisti fil-kura tas-saħħa.