Il-Korp tal-Pulizija u Heritage Malta ffirmaw ftehim ta’ kollaborazzjoni li ser iwassal biex iż-żewġ partijiet jaħdmu id f’id f’oqsma differenti, fosthom fir-restawr, fl-edukazzjoni, f’attivitajiet kulturali u riċerka, fost oħrajn.
Fost l-għanijiet ewlenin hemm ir-rinnovar u l-operat tal-Mużew tal-Pulizija ta’ Malta fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, filwaqt li Heritage Malta se tkun qiegħda wkoll tipprovdi assistenza u konsulenza lill-Korp tal-Pulizija dwar il-preżentazzjoni u l-operat talistess mużew.
Dan il-ftehim se jara wkoll lill-Korp tal-Pulizija u Heritage Malta jorganizzaw avvenimenti li jipprovdi opportunità eċċellenti lill-Korp tal-Pulizija, li huwa wieħed mill-eqdem Korpi tal-Pulizija fid-dinja, biex jispjega l-istorja tiegħu.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit.
F’kelmtejn tal-okkażjoni l-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà qal li dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie ffirmat f’din is-sena li l-Korp tal-Pulizija se jkun qiegħed jiċċelebra l-210 Anniversarju tiegħu u fl-istess ħin se jkun qiegħed jagħlaq 70 sena jopera mill-Kwartieri Ġenerali tal-Floriana, liema binja s-sena d-dieħla tagħlaq 300 sena minn meta nbniet.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Noel Zammit, wera sodisfazzjon li ntlaħaq ftehim formali, li jikkonsolida ir-relazzjoni diġà tajba ħafna bejn dawn iż-żewġ entitajiet. Huwa saħaq li jinsab ħerqan biex jara lil Heritage Malta tikkolabora aktar mill-qrib mal-Korp tal-Pulizija, għall-ġid u t-tgawdija tal-poplu kollu.