Il-Malta Football Association iffirmat ftehim ta’ kollaborazzjoni mal-federazzjoni tal-futbol Taljana, l-FIGC, liema ftehim qed jiġi meqjus bħala timbru importanti fir-relazzjoni pożittiva u li tmur lura diversi snin bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet.
Il-qsim ta’ ideat u għarfien fuq materji tekniċi u amministrattivi huma l-qofol ta’ dan il-Memorandum of Understanding li jinkorpora tajjeb fil-parametri kemm tal-FIFA u anke l-UEFA.
Dan il-ftehim għandu l-għan li jiffaċilità l-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ assoċjazzjonijiet nazzjonali permezz ta’ programmi ta’ skambju li jinvolvu uffiċjali, esperti tekniċi, kowċis,referees u plejers f’setturi varji, fosthom:
• kompetizzjonijiet organizzati mill-entitajiet rispettivi
• inizjattivi tekniċi u edukattivi
• bdil ta’ esperjenzi f’oqsma bħal dawk infrastrutturali u l-operat ta’ faċilitajiet sportivi, proċeduri fl-organizazzjoni, xjenza u mediċina sportiva, b’enfasi partikolari fuq il-futbol
• futbol tan-nisa
• futbol taż-żgħażagħ (youth football) u akkademji
• futsal
• futbol għal persuni b’diżabilità
• uffiċjali tal-logħba (referees)
L-MOU ġie ffirmat fil-kwartieri tal-FIGC f’Ruma mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo u s-Segretarju Ġenerali Dr Angelo Chetcuti flimkien ma’ Gabriele Gravina u Marco Brunelli, rispettivament President u Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Taljana. Preżenti għaċ-ċerimonja u l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll il-President tal-Lega Pro Francesco Ghirelli.