Ftehim iffirmat illum se jwassal għal aktar kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann u l-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti.
Fost għanijiet oħra, il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann se toffri s-servizzi tagħha u tiffinanzja r-restawr u l-konservazzjoni ta’ tliet pitturi f’waħda mill-kappelli tal-Knisja tal-Ġiżwiti u l-pittura ta’ Mattia Preti li turi l-Madonna ma’ San Karlu Borromeo u San Franġisk de Sales.
Waqt li kien qed jippresjedi l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Wirt Kulturali, l-Arti, u l-Gvern Lokali Owen Bonnici tenna li ż-żewġ entitajiet għandhom l-istess għan, li jħarsu l-wirt kulturali ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet futuri. “Kuntent li nara lill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann toffri l-għajnuna tagħha biex tgħin entitajiet oħra,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-Prof. Mons Emmanuel Agius, il-President tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral, stqarr li, “Dan il-ftehim se jiftaħ il-bibien tal-Konkatidral biex jgħin knejjes oħra mibnija mill-Ordni ta’ San Ġwann”.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Amministrattiv tal-Kurja tal-Arċisqof Michael Pace Ross, stqarr li, “L-Arċidjoċesi tapprezza li tara din il-kollaborazzjoni ssir, u nemmnu li dan huwa l-punt tat-tluq ta’ kollaborazzjoni sħiħa bejn iż-żewġ entitajiet.”