Art tal-Gvern ta’ madwar 1,200 metru kwadru fiż-żona magħrufa bħala ‘Tal-Bebbux’ fiż-Żurrieq għaddiet għand il-Kunsill tal-istess lokalità għall-użu tal-komunità biex, fost oħrajn, issir sala moderna fejn ikunu jistgħu jsiru diversi attivitajiet matul is-sena kif ukoll jiġu offruti servizzi oħrajn.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ippresedew l-iffirmar ta’ ftehim ta’ devoluzzjoni bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali.
Jirriżulta li l-Awtorità tal-Artijiet ukoll qed twettaq eżerċizzju biex tidentifika aktar artijiet u proprjetajiet tal-Gvern li jistgħu jintużaw għal dan il-għan.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli wkoll esprimiet il-fehma dwar il-ġid ta’ ftehimiet simili.
“Permezz ta’ kollaborazzjoni u ħidma bejn il-Kunsill Lokali u entitajiet tal-Gvern qed nagħtu aktar għodod f’idejn il-Kunsill Lokali – għodod sabiex ikunu jistgħu joħolmu u jwettqu l-ħolm tagħhom.”
Alison Zerafa Civelli, Segretarju Parlamentari
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li dawn id-devoluzzjonijiet huma turija ċara tal-fiduċja tal-Gvern fil-kunsilli lokali biex ikomplu jsaħħu l-operat tagħhom għal benefiċċju tar-residenti.
“Art tal-Gvern issa ġiet devoluta lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq biex din l-art tkun tista’ jsiru proġetti b’ġieħ il-komunità. Il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq għamel din it-talba biex ikun jista’ jsaħħaħ is-servizzi tiegħu u jagħti aktar faċilitajiet għall-ġid ta’ din il-lokalità.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi,
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima esprimiet is-sodisfazzjon tagħha u tkellmet dwar il-ħidma tal-istess kunsill biex ir-residenti Żrieraq ikollhom servizzi dejjem aktar ċentralizzati u spazji addattati għal diversi attivitajiet tal-komunità.
Sadanittant, b’rabta ma’ parti oħra fl-istess żona, fejn fl-aħħar ġimgħat inqalgħet kontroversja dwar pjani ta’ żvilupp mill-privat, jirriżulta li saru emendi u art, li hi tal-Gvern, ġiet eskluża kompletament minnu. Minflok ġiet iddikjarata bħala sit ta’ Kategorija B għall-użu soċjali biss.
B’hekk, dan issa ġie konformi mal-pożizzjoni tal-Gvern dwar kif għandha tintuża din l-art fiż-Żurrieq.