“L-esperjenzi tat-tfal, il-ħarsa fuq wiċċhom, tgħid kollox. Ikollok tfal, per eżempju storja li tibqa ittimbrata, li kif tidħol mill-bieb ta’ barra u tara l-kuritur wiesgħa x’ħin tiġi mill-iskola t-tifla tiftaħ idejha u timraħ tul il-kuritur u b’ferħ tkanta, tifraħ għax hi kienet dieħla f’post sigur u fejn għandha l-ispazju”.
Din hi waħda mill-għexieren ta’ esperjenzi li Elaine Pavia, il-Kap tas-Servizzi fi ħdan Dar Merħba Bik, rat u tara fuq bażi regolari f’Dar Merħba Bik, dar fil-komunità li tilqa’ familji li sfortunatament ikunu qedgħin ibatu minn xi tip ta’ vjolenza domestika.
Din l-għajnuna lil nies vulnerabbli se tissaħħaħ hekk kif matul il-jum tat-Tnejn, il-gvern iffirma ftehim ta’ għajnuna lil din id-dar għat-tliet snin li ġejjin. B’kollox l-investiment f’din ir-residenza se jlaħħaq it-tmien mitt elf ewro.
“F’dan il-ftehim ħa nkomplu nżidu s-servizzi tagħna. Diġà qed nagħtu akkomodazzjoni lil 14-il familja, però ħa nkunu qed niftħu dar oħra fil-ġimgħat li ġejjin, Dar Santa Bakita, fejn fi ħdanha ħa nkunu qed nilqgħu tliet familji fuq perjodu ta’ 12-il xahar fejn hemmhekk se jingħataw servizz iktar speċjalizzat skont il-bżonnijiet ta’ kull familja”.
Il-Ministru Michael Falzon sostna kif dan il-ftehim huwa prova tal-impenn tal-Gvern fil-qasam soċjali b’nefqa li hija erbgħa darbiet iktar minn ħames snin ilu:
“L-impenn huwa kbir u naħseb li kif jgħidu bl-Ingliż we put our money where our mouth is, fis-sens li sa ħames snin ilu fl-2014 in-nefqa fuq dawn it-tip ta’ social partnerships kienu ftit inqas min tliet miljun ewro, u jekk Alla jrid is-sena d-dieħla se jkollna s-somma ta’ madwar €12-il miljun.“
B’kollox il-gvern għandu madwar erbgħin ftehim ta’ din it-tip ma’ diversi għaqdiet soċjali.