Ġie ffirmat ftehim soċjali ġdid bejn il-Gvern u Dar Hosea, li se jkun qed iwassal għal tisħiħ fis-servizzi eżistenti.
Dan il-ftehim, b’investiment ta’ kważi €75,000, se jkun fuq medda ta’ tliet snin u se jingħata aktar minn 2,000 siegħa ta’ xogħol soċjali lil persuni li jkollhom bżonn din l-għajnuna.
Dar Hosea tagħti sapport lil nisa li jkunu f’riskju ta’ sfruttament sesswalment jew li jkunu diġà qed jgħixu din ir-realtà. Aktar minn hekk, dawn il-persuni aktarx diġà jkunu vittmi ta’ problemi soċjali oħra, u vizzji bħad-droga u logħob.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejnli sostna l-importanza li jingħata ambjent ta’ sapport u mħabba lil dawn il-vittmi fi ħdan din id-dar. Għalhekk, il-Gvern qed jinvesti f’ambjent sigur u li jagħti tama lil dawn in-nisa li saħansitra ġieli anke jkunu akkumpanjati minn minorenni.
Spjega li l-Gvern irid ikompli jinvesti f’soċjetà li tifhem, tgħin, u tagħder lil kulħadd.
“Huwa importanti għax is-saħħa tas-soċjeta tiddependi fuq kulħadd. Tiddependi fuq kulħadd u fuq kull min ikollu bżonn l-għajnuna hekk kif il-qasam soċjali jrid ikun hemm. Dan hu settur relativament żgħir imma relevanti, jinteressana kulħadd u għaliex le m’għandniex ngħinu persuni li jkunu għaddejjin minn realtà li tkun kiefra. Realtà hi realtà u fil-qasam soċjali trid taffaċċja”
Swor Natalie Abela tas-Sorijiet tal-Karità, li jieħdu ħsieb it-tmexxija ta’ Dar Hosea, spjegat li dan il-ftehim hu wieħed veru importanti mhux biss għal din id-dar iżda aktar minn hekk għal dawk residenti fiha.
“Dar Hosea tilqa’ nisa li huma l-aktar vulnerabbli u għalkemm l-għan tagħna hu li noħolqu ambjent sigur, naħdmu ħafna biex nagħtu dinjità lil dawn in-nisa, li ħafna drabi huma esposti għall-periklu u kull forma ta’ abbuż u huma wkoll jiġu akkumpanjati minn social worker. Bħalissa għandna żewġ social workers, u dawn is-social workers jakkumpanjaw lil dawn in-nisa fil-ħajja tagħhom. Jiġifieri anke meta jkollhom bżonn xi għajnuna dwar proċessi l-Qorti u anke affarijiet oħra li dawn is-social workers isegwu l-cases tagħhom. Huwa ftehim ta’ għajnuna kbira għal Dar Hosea. ”
Ritratt: UNICEF Crna Gora