Ġie ffirmat ftehim settorjali storiku għall-ħaddiema tal-Forzi Armati li ser jara lis-suldati kollha sal-grad ta’ maġġur jingħataw skala ogħla. Dan filwaqt li issa ser ikunu kkumpensati s-suldati kollha li jaħdmu l’fuq minn 40 siegħa fil-ġimgħa. Is-suldati kollha se jkunu qed jaraw żieda sostanzjali fl-allowances li jeżistu fil-Forzi Armati u li jirrikonoxxu ċertu speċjalizazzjoni.
Permezz ta’ dan il-ftehim il-Gvern ser ikun qed jinvesti €8.2 miljun ewro aktar fis-sena fis-salarji tas-suldati. B’kollox ser jibbenefikaw minn dan il-pakkett madwar 1,750 suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta.
Il-Prim Ministru Robert Abela li kien preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim spjega kif partijiet minn dan il-ftehim storiku huma retroattivi u ser jitqies li dan il-ftehim daħal fis-seħħ f’Jannar ta’ din is-sena. Dan ifisser li s-suldati ser jirċievu ammont f’arretrati. Dan filwaqt li hemm parti li ser titqies li daħlet fis-seħħ minn Jannar tal-2019. Innota kif dan b’differenza għall-amministrazzjonijiet preċedenti li saħansitra pruvaw iċaħdu lill-ħaddiema tal-forzi tal-ordni u l-familji tagħhom mill-paga ta’ overtime li kien diġà maħdum. Dan bl-iskuża li t-talba tagħhom għal dan il-ħlas kienet laħqet ġiet preskritta.
Il-Prim Ministru stqarr kif dan il-Gvern qed juri l-apprezzament tiegħu għax-xogħol tant siewi u s-servizz li jagħtu għall-pajjiżna ta’ kuljum. Stqarr kif dan jikkuntrasta mal-mod ta’ kif ħaddieħor qed ixxekkel lill-Forzi Armati fil-qadi ta’ dmirijiethom permezz ta’ kawżi kontrihom.
Qal kif, “Ta kuljum kellek influss ta’ immigranti li qed jitilqu mil-Libja, jimxu lejn ix-xtut ta’ Lampedusa jew lejn ix-xtut tagħna, potenzjalment infettati u nafu f’mumenti minnhom kemm kien qed ikun hemm perċentwal għoli ta’ immigranti li kienu qed jiġu nfettati li joħorġu u jaraw kif iwaqqfu l-imxija tal-immigranti, t-traġitt tal-immigranti milli jersqu lejn xtutna filwaqt li jsalvaw il-ħajjiet ukoll f’maltempati. Dan kollu għamluh b’sogru kbir għal ħajjithom u dażgur li iva jien kburi llum illi kkumpensajna ftit għal ħafna sagrifiċċju u ħafna dedikazzjoni li urew is-suldati tagħna.”
Min-naħa l-oħra spjega kif flimkien ma’ dan il-ftehim kollettiv il-Gvern qed jinvesti wkoll f’apparat u bini għall-armata.
Dan filwaqt li nnota kif il-polza tal-assigurazzjoni li qed tingħata lis-suldati Maltin hija waħda iktar ġeneruża minn dak li tagħti l-Qorti f’inċidenti simili.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri spjega kif dan il-ftehim ser jolqot lil kull suldat fil-Forzi Armati ta’ Malta. Stqarr li dan il-ftehim kien ilu mistenni mis-suldati Maltin u illum fi żmien ta’ sfida għad-dinja kollha, dan il-Gvern flimkien mal-partijiet ikkonċernati waslu għall-iffirmar tiegħu.
Huwa wiegħed li dan il-Gvern ser jibqa’ ta’ spalla għall-Forzi Armati ta’ Malta hekk kif kien fil-passat.
Qal li, “Għall-ewwel darba qiegħdin ngħarfu li l-ħaddiema tagħna jkollhom erbgħin siegħa fil-ġimgħa u s-siegħat l-oħra żejda ta’ dawn is-suldati jieħdu allowances għalihom. Dawn l-allowances ser ikunu qed jiżdiedu kollha kemm huma u wkoll li kull suldat u kull membru tal-Forzi Armati ta’ Malta ser jesperjenza żieda fil-kundizzjonijiet tiegħu u naħseb filwaqt illi ħaddieħor jattakka lill-membri tal-armata, aħna nirringrazzjawhom billi ntejbu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet tagħhom.”
ONE News tkellem ukoll ma’ suldat tal-Forzi Armati li saħaq kif dan il-ftehim kien mistenni ħafna. Spjega kif filwaqt li fl-aħħar snin saru investimenti kbar fl-armata, dan il-ftehim ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tas-suldati Maltin u jinċentivahom sabiex ikomplu jagħmlu s-servizz tagħhom bil-qalb.
Spjega li, “Rajna li l-investiment li ser isir fina jgħinna biex min-naħa tagħna x-xogħol inkunu iktar ottimisti lejh u rigward anke rajna żieda sostanzjali anke jiena li wasalt biex nispiċċa, fil-pensjonijiet tagħna, fl-allowances, u anke fil-Ħdud u fil-festi.”