Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u l-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) iffirmaw ftehim settorjali ġdid li se jkun qed ikopri l-uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Il-maġġoranza ta’ dawn il-ħaddiema jaħdmu fil-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u xogħolhom, fost l-oħrajn, jinvolvi l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol.
Dan il-ftehim se jara titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati, li jinkludi titjib fl-istruttura tas-salarji, benefiċċji ġodda u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol. Il-ftehim se jkun qed jassigura l-kontinwità ta’ xogħol effiċjenti u taħriġ meħtieġ, filwaqt li għall-ewwel darba f’għoxrin sena, l-uffiċjali se jingħataw benefiċċju ġdid skont il-grad li jkunu jinsabu fih.
Fl-indirizz tiegħu waqt l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi enfasizza li, “F’kull livell f’pajjiżna, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat, jeħtieġ li ninkoraġġixxu s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.”
Permezz ta’ dan il-ftehim ġdid il-Gvern qed juri l-impenn tiegħu li jkun ta’ eżempju billi qed itejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tiegħu f’dan il-qasam. Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar bl-għajnuna ta’ korpi kostitwiti oħra qed joffri r-riżorsi kollha meħtieġa biex ikompli jinstiga aktar ħidma f’dan qasam.