B’daqqa ta’ pinna fil-Ministeru tas-Saħħa ġie ffirmat ftehim settorjali ġdid għad-dentisti fl-Isptar Mater Dei.
Wara aktar minn kwart ta’ seklu bl-istess kundizzjonijiet, il-Ministeru tas-Saħħa u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin iffirmaw ftehim li se jissarraf f’pagi ogħla għad-dentisti, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, opportunitajiet għal dawk li għadhom iridu jsiru dentisti, u fuq kollox servizz aħjar lill-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne spjega li minħabba d-direttivi fl-aħħar xhur frott nuqqas ta’ ftehim, akkumulaw listi ta’ stennija b’detriment għall-pazjenti.
Għaldaqstant, dan il-ftehim jara li jindirizza n-nuqqasijiet eżistenti fl-istess waqt li joffri ċ-ċans ta’ aktar speċjalizzazzjonijiet għal dawk li jaspiraw li jispeċjalizzaw fis-saħħa tal-ħalq.
“Aħna dan lilna jagħtina sodisfazzjon għax aħna nitkelmu dejjem fuq il-ħaddiema u t-taħriġ tagħhom u naħseb hawnhekk qed naraw kif ninsġu flimkien ir-relazzjonijiet industrijali u wkoll it-titjib tal-professjonisti tagħna,” qal Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM.
Fil-ftehim hemm ukoll qafas li jħejji bażi tajba biex jerġgħu jibdew jingħataw servizzi ta’ emerġenza fil-Ħdud u l-festi.
“B’dan is-sectoral agreement ħa jkun hemm effiċjenza iktar matul il-ġurnata, lok għal aktar sessions, pero wkoll estensjoni għall-Ħdud ukoll u allura hemm din l-opportunita biex il-pazjent ikun jieħu servizz aħjar u dak li jagħtina sodisfazzjon,” kompla jgħid Vella.
Il-Ministru tas-Saħħa tenna l-impenn tal-Gvern li jagħti lura dak li amministrazzjoni Nazzjonalista ħadet lill-pazjenti – jiġifieri servizzi ta’ dentistrija fil-komunità.
Dan hekk kif snin ilu, ittieħdet deċiżjoni biex jingħalqu l-kliniċi dentali li l-Gvern kellu fiċ-ċentri tas-saħħa, u għaldaqstant is-servizz waqa’ biss fuq Mater Dei.
Iżda issa ċ-ċentri l-ġodda se jkollhom servizzi ta’ dentistrija, u mhux biss.
“Qed nidħlu fi ftehim ma’ numru ta’ dentisti privati biex il-Gvern iħallas għas-servizz hu imma l-pazjenti tagħna jieħdu servizz ġo kliniċi privati. Dis-sena, il-pjan hu li jkollna 8,000 dental check-up li jħallas għalihom il-Gvern fil-kliniċi privati, 5,000 filling, u 500 dentatura li jsiru fil-kliniċi privati u jħallas għalihom il-Gvern,” qal id-Deputat Prim Ministru.