Issiġillat il-ftehim settorjal bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN. F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ffirmat il-ftehim għall-ħames snin, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne spjega li l-professjonisti se jgawdu minn titjib fil-paga, u possibiltajiet aħjar ta’ titjib fil-karriera taghhom.
Il-Ministru Fearne qal li l-ftehim japplika mill-bidu ta’ Jannar li għadda, inkluż iż-żieda fis-salarju. Qal li dawn il-professjonisti huma parti mis-suċċess biex is-sistema tas-saħħa ta’ Malta ġiet ikklassifikata fost l-aqwa għaxra fid-dinja:
“F’dawn l-aħħar xhur kellna t-tobba li kellna ftehim settorali magħhom, u llum qed niffirmaw man-nurses. Irrid ngħid li dalgħodu kelli diskussjonijiet mas-Segretarju Ġenerali tal-UĦM dwar l-ispiżjara, u hemmhekk ukoll jidher li hemm bażi li nimxu ‘l quddiem mal-ispiżjara”.
Mieghu ngħaqdet il-President tal-MUMN Maria Cutajar, li nnutat kif l-infermiera u l-qwiebel se jmorru tajjeb b’pakkett finanzjarju aħjar u opportunitajiet li kkomplu jiżviluppaw fil-karriera:
“Iktar ma nurse jew midwife tkompli bl-akkademja tagħha, u anke f’dawn il-kompetenzi, iktar għandha ċans tipprogressa iktar malajr. Dik waħda mill-fatturi li se tolqot direttament in-nurses u l-midwives. Imma b’dan l-impatt se jiġi milqugħ il-pazjent ukoll, b’mod li jekk ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom u jiksbu dawn il-ħiliet. Il-kura se tkompli tkun tal-ogħla kwalità”.
Il-Ministru Fearne spjega li fl-aħħar ħames snin l-infermiera żdiedu b’erba’ mija, u fi ftit żmien se jsiru l-intervisti għal 150 oħra.
Mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru Fearne qal li l-proġett tal-iskola ta’ Barts f’Għawdex miexi ġmielu:
“Dalghodu kelli meeting tajjeb mad-dekan ta’ Barts fl-uffiċċju tiegħi. Huwa sodisfatt bil-mod kif miexjin l-affarijiet fi Stewards u f’Għawdex. L-anatomy school hija lesta u diġà hemm l-istudenti ta’ Barts li qed jieħdu t-tagħlim tagħhom fl-anatomy school. L-iskola tiela b’ritmu mgħaġġel u l-pjanijiet ikunu li sat-tieni kwart tas-sena li ġejja tkun lesta wkoll”.