Ġie ffirmat ftehim settorjali bejn il-GWU, il-UĦM u l-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva għall-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku li jifformaw parti mill-kura tas-saħħa.
Ħabbret dan il-GWU fi stqarrija fejn qalet li s-Segretarju tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi tagħha, Kendrick Bondin, irringrazzja lit-tim kollu tal-ħidma tiegħu, speċjalment ir-rappreżentanti li dejjem ħadmu bla qatigħ għall-ġid tal-membri tal-GWU.
“Permezz ta’ dan il-ftehim kollettiv, il-ħaddiema f’dan il-qasam se jingħataw aktar benefiċċji, fosthom żieda fl-allowances, extra bonuses u korsijiet biex ikunu jistgħu javvanzaw fil-karriera tagħhom fost oħrajn,” tenna Bondin.
Il-Ministru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, irringrazzja lit-trejdunjins li, flimkien mar-rappreżenanti u l-membri, ħejjew u ħadmu mal-Ministeru biex waslu għal dan il-ftehim settorjali.
Għal dan il-ftehim iffirmaw Joyce Cassar, Segretarju Permanenti – People and Standards fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Joseph Chetcuti u Christine Schembri, Segretarji Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-GWU, Kendrick Bondin, Segretarju Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi mill-istess unjin, Lawrence Bugeja, Assistent Segretarju tal-GWU, Josef Vella, Kap Eżekuttiv tal-UĦM, u Mario Sacco u Andreana Vella wkoll mill-UĦM.