Ġie ffirmat ftehim bejn l-Università ta’ Malta, l-MCAST, il-Fondazzjoni eSkills Malta, l-Istitut tas-Servizz Pubbliku u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex isir taħriġ fl-intelliġenza artifiċjali għat-tliet snin li ġejjin.
Dan il-ftehim ġie ffirmat bħala parti mill-ġimgħa għas-Servizz Pubbliku, bit-tema ‘Ninvestu fil-Kwalità’.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, qal li dan il-ftehim huwa turija ta’ impenn mis-Servizz Pubbliku sabiex ikun b’saħħtu u anki jingħaqad mat-tiġdid li sar fl-aħħar snin.
Is-Sur Cutajar qal li dan it-taħriġ fl-intelligenza artifiċjali huwa parti mit-tieni fażi tat-tiġdid, permezz tal-istrateġija l-ġdida tas-Servizz Pubbliku. Intqal kif dan se jwassal biex ikun hemm iżjed ħaddiema speċjalizzati.
Dan il-ftehim li ġie ffirmat se jbiddel l-isfidi f’opportunitajiet għall-ħaddiema li huma parti miċ-ċivil.
Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Professur Alfred Vella, spjega kif dan il-ftehim se jtejjeb il-kwalità ta’ dawk li jaħdmu fiċ-ċivil u l-intelliġenza artifiċjali. Qal ukoll li dan il-ftehim se jressaq aktar viċin lir-riċerkaturi tal-Università mal-ħaddiema fis-servizz pubbliku.
Il-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST, il-Professur James Calleja, semma kif l-iżvilupp fit-teknoloġija jagħmel dan it-taħriġ fl-intelligenza artifiċjali importanti.
Il-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni eSkills Malta, Carm Cachia, spjega kif dan it-taħriġ jibda mill-bażi tal-intelliġenza artifiċjali, iżda jidħol ukoll fl-etika.