L-Awtorità tal-Artijiet iffirmat ftehim mal-Università ta’ Malta għat-trasferiment lilha tal-Junior College u l-Gozo Campus. Dan sar bil-għan li jissaħħaħ l-operat u l-viżjoni strateġika tal-Università fil-qasam edukattiv u r-riċerka, filwaqt li jiżgura użu aħjar tal-binjiet pubbliċi.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet, Stefan Zrinzo Azzopardi, u mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima, li kienu preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim.
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-ftehim.
“U jpoġġuha flimkien ma’ universitajiet internazzjonali oħrajn li jistgħu jgħidu li għandhom standing, anke f’dawk li huma assets li jkollhom, biex ikunu jistgħu jkomplu bil-missjoni tagħhom edukattiva, b’aktar serħan il-moħħ, ngħid jien.”
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred J. Vella
Dan il-ftehim isegwi inizjattivi oħrajn ta’ kollaborazzjoni bejn l-Università u l-Awtorità tal-Artijiet, inkluż ftehim dwar studju u analiżi ta’ deċiżjonijiet tal-qrati fir-rigward tal-istess awtorità.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li dan il-ftehim jikkonferma l-impenn tal-Gvern biex jinvesti fil-proprjetajiet għall-edukazzjoni ta’ pajjiżna.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Grima qal li l-Gvern qed jinvesti fis-settur edukattiv, mhux biss fil-qagħda tal-letturi, imma wkoll b’xogħol bħal dan, li jara l-binjiet edukattivi jkunu jistgħu jiġu amministrati bl-aqwa mod.