Ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Għaqda volontarja Ħbieb tal-Morda u tal-Anzjani f’Għawdex, biex grazzi għal nefqa ta’ erbgħa u għoxrin elf ewro tingħata tnax-il sodda tal-elettriku u ħames electronic person hoists għall-anzjanu u l-morda.
Paul Zammit, il-President tal-Għaqda, spjega li ta’ kull sena din issellef apparat li jgħin lill-anzjani u lill-morda fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa stqarr li fost l-apparat li jiġi offruti b’self bla ħlas hemm sodod, krozzi, wheelchairs u lifters.
Huwa stqarr: “Dan il-finanzjament qed isir għal sodod motorizzati u lifter li ser ikollna bżonn nipprovdu lill-anzjani u l-morda sabiex kemm jista’ jkun jibqgħu jiġu kkurati fid-djar tagħhom.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rrimarka li grazzi għal dan l-investiment l-anzjani u l-morda jistgħu jibqgħu jiġu kkurati u indukrati fi djarhom stess.
Huwa sostna: “L-idea hi li nħallu kemm jista’ jkun l-anzjani u l-morda tagħna fi djarhom sabiex jibqgħu fl-aħħar mill-aħħar joqogħdu mal-familja tagħhom, u għaldaqstant nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil din l-NGO tax-xogħol siewi, fejn jien infurmat ukoll li hemm aktar minn mija u għaxar sodod imqassma madwar Għawdex proprju sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-anzjani u l-morda tagħna.”
Ritratti: MGOZ