Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent nieda l-iskema għat-tisbiħ fil-komunità urbana.
Dan permezz ta’ investiment ta’ aktar minn €300,000, hekk kif ġie ffirmat ftehim ma’ ħdax-il Kunsill Lokali.
Spjega, “Qed inkomplu nsebbħu l-postijiet, iż-żoni urbani ta’ pajjiżna, postijiet ta’ fejn ħafna nies jgħixu jew inkella jaħdmu. Qegħdin naraw illum 11-il kunsill lokali ħadu ‘l fuq minn €300,000 f’proġetti illi b’mod kontinwu, qegħdin insebbħu bihom postijiet illi qabel kienet mitluqa jew inkella m’hemmx tħaddir biżżejjed fihom.”
Waqt iċ-ċerimonja tal-iffirmar, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal kif dawn il-proġetti se jkunu qed itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Qal, “Il-Kunsilli Lokali għandhom ħafna xogħol x’jagħmlu, però aħna qegħdin ngħidulhom li fejn issoltu ntuwhom 70% tal-fondi għal proġetti ambjentali, issa konna bdejna diġà ntuwhom mija fil-mija tal-proġetti ambjentali biex b’hekk immexxu, nixprunaw il-kunsilli lokali biex jinvestu f’aktar proġetti ambjentali ta’ tħaddir – dak li l-Poplu Malti ilu jisħaq.”
Il-Ministru Farrugia ħeġġeġ sabiex aktar Kunsilli Lokali jagħmlu proġetti bħal dawn sabiex itejbu l-ambjent urban.
Il-Kunsilli Lokali li qed igawdu minn din l-iskema huma ta’ Għajnsielem, San Ġiljan, Santa Luċija, tal-Ħamrun, tal-Belt, San Lawrenz, il-Birgu, Birżebbuġa, Munxar, tal-Qala u Tas-Sliema.
Fost il-proġetti li se jkunu qed jagħmlu dawn il-Kunsilli Lokali hemm tisbiħ ta’ postijiet pubbliċi li jinsabu fil-qalba ta’ dawn il-lokalitajiet.