Ġie iffirmat ftehim settorali bejn il-Gvern u l-Malta Chamber of Psychologists li bih ser ikunu qed jiġu mtejba l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li jaħdmu fis-settur tal-psikoloġija. Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li kien preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, spjega kif permezz ta’ dan il-ftehim ser jara titjib fil-kundizzjonijiet għal psikologi li jaħdmu mas-settur pubbliku li se jwassal għal titjib fis-servizz offrut lill-pubbliku.
L-għan tas-servizz li jagħtu l-psikologi hu li joffru għajnuna olistika fil-benesseri tal-individwi. Il-psikologi għandhom l-irwol li jidentifikaw sfidi li persuna tkun għaddejja minnhom u tgħinhom jegħlbu uħud mill-isfidi li jkunu qed jiffaċċjaw.
Il-Ministru Jo Etienne Abela tkellem dwar kif il-gvern jagħraf il-kontribut siewi li professjonisti f’dan is-settur għamlu matul is-snin u tenna li dan il-ftehim ser ikompli jtejjeb is-servizz offrut f’pajjiżna.
“Il-Gvern ser jibqa’ jaħdem u jiżgura li jkompli jinvesti f’dan is-settur li hu tant kruċjali għal bennesseri tal-individwu. Irridu naraw li nies li jkunu għaddejjin minn perjodu iebes fil-ħajja tagħhom jsibu s-sapport bżonnjuż. Kommessi li nkomplu ntejbu s-servizz tas-saħħa offrut lill-pazjent,” temm jgħid il-ministru.