Bl-iffirmar tal-Memorandum ta’ Ftehim bejn il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u l-Fakultà tal-Liġi fi ħdan l-Università ta’ Malta se tkompli tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet.
Permezz ta’ dan il-ftehim se jingħata sapport lill-Fakultà tal-Liġi biex isir possibbli li ta’ kull sena jiġi ppubblikat ġurnal akkademiku ta’ livell internazzjonali li jkompli jagħti kontribut għall-għarfien akkademiku fil-qasam legali.
Minbarra li ġurnal bħal dan ikompli jgħolli l-profil tal-Fakultà u l-Università ta’ Malta u tal-pajjiż, se joffri wkoll forum ieħor għall-akkademiċi kif ukoll għall-istudenti, speċjalment dawk li jkunu qed jistudjaw f’livell ta’ Masters jew Dottorat, biex jippubblikaw ir-riċerka tagħhom.
Permezz ta’ dan il-ftehim ukoll, il-Ministeru għall-Ġustizzja se jgawdi minn expertise tal-Fakultà tal-Liġi li permezz tiegħu akkademiċi se jkunu qed jagħtu kontribut fuq proġetti varji skont il-bżonn, fosthom għall-pjattaforma TEMI. Din il-pjattaforma diġitali, li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqha, se tagħti aċċess għal tagħlim u informazzjoni għal suġġetti varji fil-qasam tal-ġustizzja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li l-Università ta’ Malta għandha rwol importanti ħafna f’dik li hija riċerka u l-ħolqien tal-għerf. Huwa tenna li ftehim bħal dan se jagħti aktar għodda lill-Fakultà tal-Liġi biex l-istudenti jkollhom sors ieħor biex jgħinhom f’dak li huwa l-perkors akkademiku tagħhom.
Id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, Dr Ivan Mifsud, sostna li bħala fakultà dejjem fehmu li huma parti minn istituzzjoni kbira u soċjetà ħajja u attiva, liema fehma għenithom iżommu enfasi kemm fuq il-prattika kif ukoll fuq ir-riċerka. “Din l-inizjattiva hija frott ta’ dan l-impenn u kommessi li nkomplu mexjin f’din id-direzzjoni”, tenna Dr Mifsud.
Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta, il-Prof. Alfred J. Vella, saħaq li huwa ferm importanti li fil-perkors akkademiku jkun hemm taħlita ta’ interessi influwenzati minn dak li qed jiġri madwarna. Żied jgħid li dan il-ġurnal huwa pass importanti li juri ż-żieda ta’ prattikanti fil-qasam tal-liġi kif ukoll il-ħtieġa ta’ iktar kooperazzjoni ġdida.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-Memorandum ta’ Ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Johan Galea, id-Direttur fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja, Joanne Battistino, kif ukoll id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Prof. Ivan Sammut.