Ġie mniedi l-qafas sabiex titfassal l-istrateġija ta’ screening tat-tfal sabiex sa minn etajiet bikrija, jiġu identifikati u jingħarfu diffikultajiet.
Permezz ta’ din l-istrateġija, se jkun innutat l-iżvilupp fiżiku kif ukoll dak intelletwali u psikosoċjali, biex b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-passi preventivi kollha li jkun hemm bżonn għall-aħjar żvilupp tat-tfal.
Dan sar permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn il-Ministeru għas-Saħħa, Ministeru għall-Familja u d-Drittijiet tat-tfal u l-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Dan il-ftehim se jwassal biex tinħoloq strateġija nazzjonali li se tgħin sabiex jiġu ddentifikati servizzi ta’ screening lil tfal, minn dawk tat-twelid sa sittax-il sena. B’dan il-ftehim ukoll se tkun qed tingħata għajnuna fl-immedjat lil tfal li jkollhom diffikultajiet personali.
Waqt l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Kollaborazzjoni, il-Ministru responsabbli mid-drittijiet tat-tfal, Michael Falzon qal kif din l-istrateġija hija parti mill-manifest elettorali ta’ dan il-Gvern.
Il-Ministru Falzon qal kif il-gvern huwa kommess li jkun hemm għal familji Maltin u Għawdxin u dan urih biċ-ċar hekk kif aktar minn tmenin fil-mija tal-miżuri li twegħdu fil-manifest elettorali, twettqu.
Qal kif il-politika tal-Gvern qed tagħmel lit-tfal fuq nett tal-agenda.
Il-Ministru Falzon stqarr, “Hawnhekk qed inħarsu lil kull persuna, hi x’inhi l-kundizzjoni mentali, fiżika, finanzjarja tkun parti mis-soċjetà tkun meqjusa l-irwol importanti fis-soċjetà.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici spjega kif din l-istrateġija dwar screening tat-tfal se tkun mibnija b’konformita mal-liġijiet Maltin u dawk tal-Ġnus Magħquda.
Il-Ministru Bonnici saħaq, “Aħna rridu nagħtu xibka ta’ serħan il-moħħ lit-tfal kollha mit-twelid sakemm dawn jikbru biex ikun hemm screening mill-bidu nett sabiex nintervjenu u nagħtu l-għajnuna lil uliedna u ulied uliedna.”
Preżenti wkoll għal dan l-iffirmar tal-ftehim kien hemm is-Segretarju Parlamenti għall-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis li qal kif dan l-iscreening mill-ewwel jiem se jkun ta’ vantaġġ għall-persuni b’diżabiltà, fejn il-gvern huwa kommess li jkompli jtejjeb ħajjithom.
Din l-istrateġija ġiet iffirmata mis-Segretarji Permanenti Clarence Pace, Frank Fabri u Mark Musù.