Daqqa ta’ pinna fil-kampus tal-Università se tissarraf f’għajnuna finanzjarja mill-Gvern ta’ ħamsa u sittin elf ewro kull sena għal tliet snin biex issir riċerka li tagħraf ir-realtajiet u l-isfidi ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Dan hekk kif ftehim li l-Ministeru tal-Familja, Solidarjetà Soċjali u Drittijiet tat-Tfal iffirma mad-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja, u ieħor mal-Fakultà għall-Ħarsien Soċjali, se jagħti aktar għodda lill-akkademiċi biex ikomplu jkunu l-pijunieri li jagħtu dimensjoni aġġornata tal-familja.
Id-Dekan Andrew Azzopardi spjega ma’ ONE News li issa li ġie ffirmat il-ftehim, il-Fakultà li hu jmexxi se timbarka fuq riċerka biex tipprova tifhem x’inhuma d-diffikultajiet fis-soċjetà.
Spjega “Li huwa sabiħ f’dal-agreement li mhux kemm nagħmlu riċerka jew papers – aħna nagħmlu dis-sena ppubblikajna mitt paper bejn l-akkademiċi tagħna. Dak mhux biżżejjed. Aħna issa rridu li l-informazzjoni li għandna dak li ngħidulu niddemokratizzaw l-informazzjoni, nagħtuha lura lis-soċjeta, ħalli nkunu nistgħu verament naraw tibdil li hemm bżonn isir.”
Huwa emfasizza d-differenza fl-irwol tal-akkademiku u tal-politiku; wieħed jifhem il-problema u jipproponi s-soluzzjonijiet, u l-ieħor jilleġisla u jagħti s-servizzi.
Azzopardi qal li “Nibdew nipprioritizzaw fejn aħna se npoġġu subgħajna f’dak li huwa efforts għax ma tistax tindirizza kollox f’daqqa u fl-istess ħin naraw x’inhuma l-prioritajiet tal-istat ukoll jiġifieri l-istat fejn jixtieq jagħti l-effort tiegħu?”
Il-Ministru Michael Falzon innota li dawn il-ftehimiet se jsaħħu l-livell tar-riċerka professjonali tal-familja, filwaqt li jtejbu l-korsijiet ta’ taħriġ lill-professjonisti.
Biex b’dawn il-ftehimiet u oħrajn simili, bil-liġi tal-protezzjoni tat-tfal fil-qrib li tiġi konkluża, u t-tisħiħ fis-servizzi, il-Ministru Falzon innota li fiċ-ċentru ta’ kollox hemm nies li ġenwinament għandhom bżonn l-għajnuna.