Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-MCAST ffirmaw ftehim għat-tliet snin li ġejjin, biex tiġi indirizzata u jitqajjem għarfien dwar il-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika.
Fil-fatt b’dan il-memorandum of understanding, se jsiru anke korsijiet relatati mas-suġġett ta’ vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Il-Kummissjoni kontra l-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru se tkun qed toffri l-għarfien espert tagħha f’dan is-settur. Il-korsijiet, apparti t-tagħlim teoretiku fil-klassi, se jinkludu opportunitajiet ta’ esperjenzi għall-istudenti u riċerka.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri se tkun qed toffri l-għarfien espert tagħha f’dan is-settur.
“Aħna bħala Kummissjoni kuntenti ħafna b’din l-inizjattiva li iffirmajna illum mal-MCAST, għal raġuni li aktar żgħażagħ Maltin u Għawdxin issa jista’ jkollhom aċċess għal taħriġ sabiex ikunu jistgħu jgħinu lil ħaddieħor.”
Il-Prinċipal tal-MCAST, il-Professur James Cachia, saħaq li l-MCAST dejjem tara li tpoġġi lill-istudenti tagħha f’sitwazzjonijiet prattiċi lil hinn mill-klassi, u b’hekk dan il-ftehim se jkompli jgħin itaffi l-vjolenza domestika f’pajjiżna, waqt li jservi ta’ għodda edukattiva għall-istudenti.
“Dan huwa ftehim li se jagħtihom l-opportunità jagħmlu riċerka.Se jagħtihom l-opportunità ukoll li ikollhom placements fuq postijiet tax-xogħol fejn jistgħu jiġġilidu l-vjolenza domestika.”
Il-ftehim ġie ppresedut mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis u mis-Segretarju Parlementari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar
Il-Ministru Zammit Lewis rrimarka li l-vjolenza domestika ma tingħelibx biss bl-infurzar, iżda permezz ta’ iktar edukazzjoni.
“Il-ġlieda konta l-pjaga tal-vjolenza domestika niġġielduha mill-għerq tagħha li huwa l-edukazzjoni, li nbiddlu l-mentalità tan-nies. Il-mentalità anke tal-aggressuri f’konfront tal-vittma.”
Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar tenniet tgħid li hi temmen bi sħiħ li l-edukazzjoni hi għodda importanti speċjalment fir-rigward tal-vjolenza domestika.
“Nappella biex bħala soċjetà ma ndawwrux wiċċna lejn din il-pjaga tal-vjolenza domestika. Bħala Gvern komessi biex verament insaħħu u nagħtu għodod lil kull min għaddej minn xi tip ta’ abbuż”